Valletta tilfu l-appell tagħhom kontra s-sospensjoni ta’ sitt logħbiet tal-attakkant Portugiż Diogo Tavares.
Il-Beltin ressqu appell quddiem l-MFA biex jikkontestaw id-deċiżjoni li Tavares jingħata sospensjoni ta’ sitt logħbiet wara l-karta ħamra tiegħu fid-derby kontra Floriana aktar kmieni dan ix-xahar.
L-attakkant intwera karta ħamra diretta talli deher jagħti daqqa ta’ minkeb lill-midfielder ta’ Floriana Zach Scerri.
Il-Bord tal-MFA ltaqa’ nhar il-Ġimgħa biex jiddiskuti l-każ u ddeċieda li jsostni l-ilment ta’ Valletta u jikkonferma mill-ġdid is-sospensjoni ta’ sitt logħbiet tal-attakkant Portugiż.
Intant fi stqarrija uffiċjali, Valletta FC qalu li: “Valletta FC ġew infurmati mill-Bord tal-Appelli tal-malta FA li ddeċidiet li żżomm is-sospensjoni oriġinali ta’ sitt logħbiet wara l-appell ippreżentat mill-Klabb fir-rigward tas-sospensjoni ta’ Diogo Tavares wara l-logħba Valletta FC – Floriana FC fl-10 ta’ Jannar 2026.
Valletta FC huma diżappuntati ħafna b’din id-deċiżjoni u jemmnu bis-sħiħ li s-sospensjoni mhux biss hija sproporzjonata iżda ma tirriflettix il-mekkaniżmi u ċ-ċirkostanzi tal-azzjonijiet tal-plejer. Quddiem dan it-trattament inġust, f’dan il-mument diffiċli, il-Klabb jappoġġja lil Diogo u se jappoġġjah matul il-ġimgħat li ġejjin fir-ritorn tiegħu għal-logħob.
L-iskwadra kollha, l-istaff tekniku u l-maniġment tal-Klabb issa huma ffukati fuq il-logħba ewlenija tal-lum, kontra Hamrun Spartans FC u nieħdu l-opportunità biex inħeġġu lill-partitarji tagħna biex ikunu t-12-il plejer tagħna għal dawn id-90 minuta kruċjali.”

