Tuesday, November 26, 2024

Valletta wisq b’saħħithom għal Zebbug Rangers

Aqra wkoll

Zebbug R…………….1

Valletta……………….5

Valletta rriżultaw bħala wisq b’saħħithom għal Zebbug Rangers meta għelbu l-isfida tagħhom bl-iskor kbir ta’ 5-1, bil-goals għalihom jaslu tnejn fl-ewwel taqsima, u tlieta fit-tieni waħda.

Għalihom, fost oħrajn, spikkaw ferm l-iskorer prolifiku Arġentin, Federico Falcone, u ż-żagħżugħ Andrea Zammit li rreġistraw doppjetta personali kull wieħed, kif ukoll Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong, li rreġistra tliet assists għall-ħames goals Beltin.

Il-Beltin għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor fit-tmien minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ FEDERICO FALCONE, wara li rċieva minn cross pinġut ta’ Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong.

Zebbug wieġbu fit-12-il minuta meta Charles Lokoli Ngoy kellu x-xutt tiegħu salvat bi bravura mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Valletta, Cain Formosa.

Il-Beltin reġgħu ħolqu l-periklu fis-16-il minuta meta xutt minn pożizzjoni ideali ta’ Nilton Soares Rodrigues, ġie salvat minn mal-art b’siequ mill-goalkeeper ta’ Zebbug Rangers, Miguel Chetcuti.

Fil-25 minuta, huma rdoppjaw l-iskor meta minn corner mogħti minn Nnomo Ngong, il-ballun ħabat mal-art qabel ma ANDREA ZAMMIT permezz ta’ daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta, tefa’ ġewwa.

U jidher li l-Beltin ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif fil-ftuħ tat-tieni taqsima, ħarġu ferm aggressivi, u fis-47 minuta, għamluhom tlieta, meta wara li rċieva minn corner mogħti minn Nilton Rodrigues Soares, FEDERICO FALCONE, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.

Huma komplew jippressaw u ħames minuti wara, Andrea Zammit, kellu xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa li għadda ftit barra.

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tat-team immexxi mill-coach żagħżugħ, Thane Micallef, u fil-55 minuta, rebħu penalty meta l-captain ta’ Zebbug, Gaetano Joseph Gesualdi waqqa’ lil Nilton Rodrigues Soares fil-kaxxa, u kawża t’hekk, ġie ammonit mir-referee Matthew De Gabriele.

Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-ispeċjalista BRANDON PAIBER, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx, tefa’ balun fir-rokna tx-xibka.

Zebbug wieġbu fis-66 minuta meta Charles Lokoli Ngoy dar tajjeb u venven xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li għadda ftit għoli.

Valletta reġgħu ħolqu l-periklu fit-78 minuta meta Andrea zammit avvanza tajjeb u peremzz ta’ xutt fil-baxx impenja severament lill-goalkeeper ta’ Zebbug Rangers, Miguel Chetcuti, li dawwar tajjeb f’corner b’siequ.

Zebbug rebħu penalty fid-79 minuta meta s-sostitut ta’ Valletta Triston Caruana miss il-ballun fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru nkariga ruħu Charles Lokoli Ngoy li falla t-tentattiv tiegħu, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u jintemm barra.

Il-Beltin kienu għoddhom skorjaw il-ħames goal fil-81 minuta meta Federico Falcone kellu xutt mill-ewwel minn pożizzjoni ideali li stampa mal-mimdua, bil-ballun jibqa’ sejjer barra, biex b’hekk ir-Rangers ħelsuha ħafif.

Valletta ssiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fis-87 minuta meta ANDREA  ZAMMIT, żmarkat għal kollox, u minn qagħda ideali tefa’ ġewwa.

Zebbug naqqsu l-marġni ta-isksor fit-88 minuta meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, SHAUN BUGEJA, b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper żagħżugħ ta’ Valletta, Cain Formosa.

Il-Beltin komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.

Zebbug R.: 13-Miguel Chetcuti, 2-Henrique Marcelino Motta (6-Wilker Rocha Santos 73), 3-Shaun Bugeja, 4-Leandro da Silva Almeida, 5-Travis Bartolo (23-Kurt Bondin 46), 11-Charles Lokoli Ngoy, 15-Roberto Enrique Sanchez, 17-Jeferson Macedo (8-Ayrton Mizzi 77), 18-Almir De Jesus Soto Maldonado, 21-Stanimir Miloskovic (20-Jordan Sciberras 46), 22-Gaetano Joseph Gesualdi (16-Randall Vella 73) Coach: Brian Spiteri

Valletta: 99-Cain Formosa, 3-Enzo Ruiz, 9-Andrea Zammit, 10-Shaun Dimech (30-Llywelyn Cremona 64), 11-Nilton Rodrigues Soares (19-Zak Barbara 64), 14-Christian Gauci, 20-Federico Falcone, 22-Brandon Paiber, 24-Rowen Muscat (8-Triston Caruana 57), 28-Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong (23-Josiah Mallia 77), 66-Eslit Sala (6-Sheldon Mackay 57) Coach: Thane Micallef

Referee: Matthew De Gabriele

Ass. Referees: Mitchell Scerri, Max-Lee Muscat

Raba’ Uffiċjal: Andrea Sciriha

Skorers: F. Falcone 8, 47, A. Zammit 25, 87, B. Paiber pen. 55 (V), S. Bugeja 88 (Z)

Ammoniti: B. Paiber, C. Gauci (V), H. M. Motta, G. J. Gesualdi (Z)

Player tal-Logħba: Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong (V)

Sport