Sunday, December 22, 2024

VALUR LILL-ĦADDIEM LI JŻIDLU L-KUNTENTIZZA

Aqra wkoll

Li bniedem iqum filgħodu mingħajr ħsibijiet li jtaqqluh, li jirċievi aħbar sabiħa matul il-ġurnata tax-xogħol tiegħu, li jirnexxielu jikseb xi ħaġa li jkun ilu jimmira għaliha, li jesperjenza episodju ġdid f’ħajtu bħalma hija xi tarbija ġdida fil-familja, li jerbaħ xi premju kbir ta’ flus, li jsib wens f’xi ħadd meta l-inqas li jkun jistenna u oħrajn li kapaċi jwarrbu kull ħsieb huma livelli differenti ta’ dik li tista’ tkun l-espressjoni tal-kuntentizza ta’ dak li jkun.

Skont l-aħħar stħarriġ dwar l-istat tan-nazzjon kien hemm żieda sostanzjali f’dawk li wieġbu li huma kuntenti b’ħajjithom meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Skont l-istħarriġ ippubblikat mill-istatistiku Vincent Marmara, 77 fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw qalu li huma kuntenti meta fl-2021 kien hemm 60.7 fil-mija li wieġbu bl-istess mod.

Nemmnu li dan ir-riżultat jista’ jkun pożittiv iżda daqstant ieħor perikoluż jekk interpretat ħażin mill-analisti tas-soċjetà. Kif jgħid l-istess statistiku fil-konklużjoni tiegħu, dan it-titjib jista’ ma jkunx verament jirrifletti l-fatt li f’pajjiżna kien hawn verament daqstant persuni li raw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Mistoqsija li tista’ ssegwi dan ir-riżultat tista’ tkun imma n-nies x’tifhem eżatt b’kuntentizza u x’seħħ f’dawn l-aħħar xhur biex setgħet twieġeb li llum temmen li hija aktar kuntenta? 

Nemmnu li f’dan il-kuntest kien kruċjali l-pjan tal-gvern li rnexxielu joħroġ minn pandemija u r-restrizzjonijiet kollha li ġabet magħha. L-awtoritajiet tas-saħħa setgħu forsi ġew interpretati bħala ħorox iż-żejjed b’ċertu restrizzjonijiet li kellna ftit tax-xhur ilu. Meta kienu qegħdin iwieġbu l-istħarriġ dawk li pparteċipaw fl-2021 kienu qegħdin jgħixu f’dan il-perjodu u tajjeb li niftakru li dak iż-żmien kellek restrizzjonijiet li llimitaw ferm lin-nies mill-attivitajiet li kienu mdorrijin bihom. 

Jirriżulta li l-aktar ħaġa importanti għan-nies fil-kultura Maltija huma l-festi tal-ibliet u l-irħula u din tista’ tkun raġuni oħra għalfejn il-perċentwal tan-nies li huma aktar kuntenti żdied. 

Nemmnu li s-suċċess jilgħab rwol b’saħħtu fil-livell ta’ kuntentizza tal-bniedem. Il-fatt li mill-istħarriġ irriżulta li ftit aktar minn 65 fil-mija jqisu li jħossuhom li għamlu suċċess f’ħajjithom, ifisser li għandek ftit inqas minn 35 fil-mija li setgħu jagħmlu aħjar.  Nemmnu li l-invażjoni fl-Ukrajna se tkompli xxekkel lil dan l-aħħar perċentawal milli jonqos, jiġifieri li jiżdied il-perċentwal ta’ dawk li fl-istħarriġ li jmiss jgħidu li rnexxielhom jagħmlu suċċess. 

Ċertu żidiet fil-prezzijiet qegħdin ikomplu jtaqqlu l-ħajja ta’ ċertu individwi fosthom dawk il-faxex fis-soċjetà li qed jgħixu bil-paga minima li f’pajjiżna, għalkemm hija l-paga minima statutorja u legali, lanqas tmiss it-€800.

Wasal iż-żmien li l-ħaddiem għal kull siegħa ta’ xogħol li jagħmel għandu jkollu salarju adekwat. Tajjeb li nirrikonoxxu li għal snin twal f’pajjiżna l-paga minima ma nbidlitx u li kien fl-aħħar snin din rat titjib. Minkejja dan pajjiżna għandu bżonn jitkellem fuq il-produttività tal-pajjiż. Faċli li nitkellmu dwar żieda fil-paga minima, iżda dan jista’ jseħħ biss b’diskussjonijiet serji dwar min iħaddem u l-ħaddiema biex dak li nipproduċu jkun ta’ livell aktar għoli. B’taħriġ neċessarju, il-ħaddiema tagħna jistgħu jkunu jipproduċu affarijiet oħrajn ta’ kwalità aktar għolja.

B’dan il-mod nistgħu naslu għal żmien fejn il-paga tirrifletti l-valur u mhux il-prezz tal-ħaddiem. Nemmnu li jekk il-ħaddiem jingħata dan il-valur, minkejja sfidi bħalma huma l-inflazzjoni li jidher li se tibqa’ toffri sfidi minħabba l-gwerra fl-Ukrajna li ħadd ma jista’ jbassar kemm se ddum, għada pitgħada l-poplu tagħna jkun jista’ jwieġeb b’mod aktar pożittiv dwar il-kuntentizza u s-suċċessi tiegħu.

Ekonomija

Sport