Sunday, December 22, 2024

Vancouver milquta minn maltempata qalila

Aqra wkoll

Maltempata qalila deskritta mill-uffiċjali bħala waħda li seħħ darba kull mitt sena, laqtet lill-belt Kanadiża ta’ Vancouver u ħalliet diversi ħsarat strutturali. Żewġ toroq arterjali kellhom jiġu magħluqin minħabba l-ħsarat kkaw­żati mill-għargħar filwaqt li eluf ta’ persuni kienu sfurzati li jitilqu minn djarhom. 

Sfortunatament f’dan il-maltemp mara tilfet ħajjitha kawża ta’ valanga ta’ tajn li niżlet fuq highway filwaqt li minn tal-inqas żewġ persuni oħrajn għadhom irrapportati nieqsa. Il-katavru tal-mara nstab qrib Lillooet li tinsab 250 kilometru bogħod minn Vancouver. Uffiċjali tas-salvataġġ ma eskludewx il-possibbiltà li jista’ jkun hemm iktar persuni li tilfu ħajjithom minħabba li għadu mhux magħruf jekk kienx hemm nies fil-karozzi li ntilfu waqt li niżelt il-valanga jew jekk dawn kienx irnexxielhom jaħarbu. 

Il-ministru provinċjali responsabbli mit-trasport, Rob Fleming, waqt konferenza tal-aħbarijet qal li din kienet l-agħar meltempata li laqtet liż-żona f’dawn l-aħħar mitt sena. Eluf ta’ djar ġewwa British Columbia kellhom jiġu evakwati wara li ammont ta’ xita li ssoltu tkun mifruxa fuq perjodu ta’ xahar niżlet f’temp ta’ 24 siegħa. Kien irrapportat li partijiet mit-Trans-Canada Highway, li tgħaqqad lil Vancouver mal-bqija tal-pajjiż, spiċċaw mgħarrqin taħt l-ilma. Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Justin Trudeau meta kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti ġewwa Ottawa qal li huwa qiegħed josserva s-sitwazzjoni mill-qrib. Trudeau tenna li “aħna se nkunu hemm biex nagħtu kull forma ta’ għajnuna.”

Kien irrapportat li kawża tal-maltemp il-port ta’ Vancouver, li huwa l-ikbar wieħed tal-Kanada, kien sfurzat jissospendi t-trasport tal-prodotti bil-ferroviji u b’hekk ammonti kbar ta’ ikel, fjuwil u prodotti oħrajn spiċċaw maqbudin fil-port. Minn dan il-port jgħaddu xejn inqas minn $440 miljun ta’ provvisti kuljum. 

Ekonomija

Sport