Thursday, December 26, 2024

Vann elettriku sabiex jintuża mir-residenti Kalkariżi

Aqra wkoll

Ir-resident tal-Kalkara ser ikunu jistgħu jibdew jagħmlu użu minn vann elettriku għal kull bżonn fil-ħajja ta’ kuljum.

Din l-inizzjattiva, frott il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara hija pass ieħor fil-ħidma kontinwa tal-Kunsill li jkun ta’ servizz għar-residenti.

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qal li, “Permezz ta’ dan il-vann ħa mmorru lil hinn minn servizz li nistgħu noffru mill-uffiċju. L-għan ta’ KALKARA TRANSPORT hu li ngħinu aktar lill-anzjani tagħna fil-ħajja ta’ kuljum”.

Dan il-vann li huwa 100% elettriku sar b’investiment ta’ €48,000 u tħallas mill-Fondi tal-Aġenzija għall-Infurzar tal-Liġi, il-LESA, u d-dipartiment tal-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li,“Permezz ta’ dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara u kif ukoll proġetti oħra minn kunsilli lokali, qed naraw li l-flus miċ-ċitazzjonijiet qed jiġu investiti lura fil-komunità. Fil-fatt, matul din is-sena l-aġenzija LESA qassmet kważi €1,000,000 f’fondi lil 20 kunsill lokali differenti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli semmiet kif dan is-servizz kien beda jingħata għall-ewwel darba fil-lokalità ta’ Bormla u bosta Kunsilli Lokali segwew sabiex jgħin lir-residenti rispettivi tagħhom jkunu aktar indipendenti.

Is-servizz se jidħol fis-seħħ mid-9 ta’ Jannar li ġej u sabiex wieħed jużah irid jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara.

Għall-inawgurazzjoni ta’ din l-inizzjattiva kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores u l-President tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali Mario Fava.

Ekonomija

Sport