Ispirati minn Karim Benzema, Real Madrid għamlu pass kbir lejn is-semi-finali tal-UEFA Champions League meta fl-ewwel leg tal-kwarti-finali għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 3-1, bl-attakkant Franċiż jiskorja hat-trick. Fil-partita l-oħra, Villarreal għelbu lil Bayern Munich bl-iskor ta’ 1-0.
Chelsea v Real Madrid – Barra minn darhom, Real Madrid rebħu lil Chelsea bl-iskor ta’ 3-1.
Din il-partita kellha bidu qawwi fejn tat indikazzjoni li kienet se tkun waħda eċċitanti fejn fl-10 minuta, il-Madrileni resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Karim Benzema għadda lejn Vinicius Junior li l-konklużjoni tiegħu stampat mal-mimduda.
Madankollu huma fetħu l-iskor fil-21 minuta meta Karim Benzema bidel il-ballun ma’ Vinicius u b’daqqa ta’ ras xeħet il-ballun fir-rokna tas-saqaf tax- xibka.
U appena għaddew tliet minuti, l-istess Karim Benzema rdoppja meta reġa’ kkonkluda bir-ras mill-cross ta’ Luka Modric.
Peró ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Chelsea daħlu fil-partita meta Jorginho xeħet cross perikoluż li sab li Kai Havertz li bir-ras għeleb lil Thibault Courtois.
Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Karim Benzema rreġistra l-hat-trick personali meta xeħet f’xibka vojta wara żball tal-goalkeeper, Edouard Mendy.
Villarreal v Bayern M. – Villarreal laqgħu lil Bayern Munich u għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0 liema rebħa setgħet kienet ferm akbar fejn anke kellhom goal imħassar. Imma lejn it-tmiem il-Bavarjani ppressaw għal goal tad-draw iżda ma rnexxielhom isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja biex kollox għadu miftuħ meta l-ġimgħa d-dieħla Bayern jilagħbu f’darhom.
L-Ispanjoli ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara tmien minuti huma fetħu l-iskor. Azzjoni mibdija minn Gerard Moreno lejn Giovani Lo Celso li kompla lejn Dani Parejo li kellu l-ispazju biex jixxuttja. Iżda filwaqt li t-tentattiv tiegħu kien sejjer barra, Arnaut Danjuma kien fil-post opportun biex kompla l-ballun għal ġox-xibka.
Fil-41 minuta, l-Ispanjoli skorjaw minn Gerard Moreno iżda l-goal ġie mħassar għal offside marġinali ta’ Francis Coquelin.