Saturday, December 28, 2024

Vapur tal-merkanzija jegħreq ’il barra mill-Ġappun bi 43 membru tal-ekwipaġġ u 6,000 baqra abbord

Aqra wkoll

Vapur tal-merkanzija li abbord kellu 43 membru tal-ekwipaġġ u mas-6,000 baqra għereq wara li bagħat messaġġi ta’ emerġenza waqt tifun ’il barra mill-kosta tal-Ġappun. Dan qalu wieħed mill-baħrin li ġew salvati mill-Gwardja tal-Kosta Ġappuniża.

Il-vapur – Gulf Livestock I – għamel is-sejħa għall-għajnuna fis-sigħat bikrin ta’ nhar l-Erbgħa filgħodu waqt li kien madwar 185 kilometru ’l barra mill-gżira Ġappuniża ta’ Amami Oshima.

Dakinar stess, il-gwardja tal-kosta rnexxielhom jillokalizzaw wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ li aktar tard ġie identifikat bħala raġel ta’ nazzjonalità Filippina ta’ 45 sena li kien il-kap uffiċjal tal-vapur. Huwa qal li kien libes ġakketta ta’ salvataġġ u qabeż il-baħar wara li ngħatat it-twissija abbord il-vapur.

Żied jgħid li l-vapur kien sofra ħsarat f’waħda mill-magni, b’mewġa twassal biex il-vapur jinqaleb u sussegwentement jegħreq.

Huwa qal li sakemm kien qed jistenna li jiġi salvat ma kien ra lill-ebda membru ieħor tal-ekwipaġġ.

Ekonomija

Sport