Saturday, January 17, 2026

Venezwela u lil hinn minnha

Aqra wkoll

Mhux normali, anzi rarissimu, li minn din il-paġna nikkummenta dwar ġrajjiet internazzjonali, imma dak li seħħ fil-Venezwela fil-jiiem li għaddew ġibed l-attenzjoni ta’ kollox u ta’ kulħadd. Mhux se nirrakkonta x’ġara u ma ġarax, imma fil-qosor li ġara hu li l-Amerikani attakkaw lill-Venezwela mill-ajru u f’missjoni ta’ ftit ħin il-President tal-pajjiż, Nicolas Maduro, u martu kienu f’idejn il-qawwiet Amerikani u llum qiegħed f’ħabs Amerikan  taħt arrest jistenna l-proċess ġudizzjarju. Ovvjament dan kollu fuq ordni tal-President Amerikan Donald Trump, għax skont hu Maduro qed jimla’ lill-Amerika bid-droga.

Kien hemm taħlita ta’ reazzjonijiet. Kien hemm min kien favur id-deċiżjoni ta’ Trump u kien hemm min kien kontra. Saru dimostrazzjonijiet kemm favur kif ukoll kontra, inkluż fl-Amerika stess. Il-polemika bdiet mill-bidunett: arrest jew ħtif?

Li hu żgur huwa li ġiet attakkata s-sovranità ta’ pajjiż minn pajjiż ieħor li jħoss li hu b’saħħtu aktar  minn min ġie attakkat. Ovvjament imbagħad bdew ħerġin l-istejjer. Tispikka fost kollox ir-riserva ta’ żejt li għandha l-Venezwela. L-akkuża li Trump irid dan iż-żejt. Diġà tħabbar li l-Venezwela se tgħaddi lill-Amerikani bejn 30 u 50 miljun kartell żejt tal-ogħla kwalità. Skont Trump dan se jinbiegħ u jkun hu li jamministra d-dħul minnu.

L-akkuża li Trump irid dominanza fuq il-pajjiżi tal-Amerika Latina. L-akkuża li issa qiegħed iberraq fir-rigward tal-Kolumbja li l-President tagħha wkoll ġie akkużat minn Trump li qed jissupplixxi d-droga lejn l-Amerika. Imma din hija r-raġuni vera? U jekk hu hekk dan jiġġustifika invażjoni ta’ pajjiż?

Hemm imbagħad riperkussjonijiuet oħrajn fuq ir-reġjun. Huwa fatt magħruf li Kuba, ukoll kif jaf kulħadd mhux fuq il-kotba t-tajba tal-Amerika, hija alleata mill-qrib ħafna tal-Venezwela u tiddependi fuqha għall-enerġija. X’se tfisser l-invażjoni Amerikana tal-Venezwela fuq Kuba?

It-tħassib ikompli jikber għax jekk Trump iħoss li hu ġustifikat jinvadi pajjiż, jaħtaf/jarresta President, allura Putin issa jħossu ġustifikat li jkompli jattakka u jkisser l-Ukrajna għax din bis-sħubija tagħha mal-Punent u x-xewqa li tissieħeb fin-NATO tkun  qed thedded is-sovranità Russa? Dan kollu ma jfissirx li qegħdin f’sogru kbir li l-kunflitti jinfirxu?

L-istorja Amerikana hija miżgħuda b’dan it-tip ta’ indħil. L-istorja Kubana jafha kulħadd. Jew titmexxa minn min iridu l-Amerikani jew tiffaċċja l-konsegwenzi. Dejjem għal xi raġuni differenti. Daqstant ieħor hija magħrufa l-istorja taċ-Ċili u l-kolp ta’ stat orkestrat kontra l-President Allende u dak li seħħ wara. Atroċitajiet tat-twerwir. L-istejjer Korea u Vjetnam l-istess.

Imma issa qamet storja oħra bit-timbru Trump. Din id-darba kontra pajjiż li huwa meqjus bħala alleat, Greenland. Greenland hija territorju semi-awtonomu fir-Renju tad-Danimarka. Iċ-ċittadini tagħha huma ċittadini tad-Danimarka u tal-Unjoni Ewropea. Hija wieħed mill-pajjiżi u t-territorji barranin tal-Unjoni Ewropea u hija parti mill-Kunsill tal-Ewropa. L-affarijiet domestiċi jitmexxew mill-Gvern ta’ Greenland imma deċiżjonijiet fuq affarijiet barranin u difiża jittieħdu mid-Danimarka.

Dan kollu jfisser li Greenland tħaddan politika li ma ‘turtax’ lill-Amerikani. Imma Trump jidhirlu li Greenland m’għandhiex sigurtà adekwata u dan jista’ jkun ta’ theddida għall-Istati Uniti tal-Amerika u allura jrid li b’xi mod Greenland tkun tifforma parti mill-Istati Uniti.

Dak li ħareġ bih Trump dwar Greenland qajjem ‘rabja’ fil-kontinent Ewropew, kif ukoll fi ħdan in-NATO. Tant li seba’ mexxejja Ewropej ta’ pajjiżi membri fin-NATO wissew lill-President Amerikan kontra d-dikjarazzjonijiet tiegħu li jrid jieħu Greenland taħt il-ġurisdizzjoni Amerikana. Il-pajjiżi konċernati huma Franza, Ġermanja, Italja, Polonja, Spanja, Renju Unit u Danimarka.

Sadattant għadha friska t-traġedja li għaddej minnha l-poplu Palestinjan f’Gaża. Is-sehem Amerikan huwa evidentissimu, anke jekk il-protagonist ewlieni huwa Iżrael. Għadha friska t-teorija ta’ Trump li jieħu l-medda ta’ Gaża f’idejh, ikeċċi lil kulħadd minn hemm u jibdilha f’Riviera Franċiża.

Trump jidher li ma ra u m’hu qed jara xejn ħażin fil-mod kif Iżrael baqa’ għaddej, ifarrak lill-poplu Palestinjan bl-iskuża tal-Hamas. Ġenoċidju tal-waħx. Poplu sħiħ ibati l-ġuħ. Poplu sħiħ jgħix taħt it-tined, jekk tista’ ssejħilhom tined, f’temp xitwi qalil. Iżrael, għax b’saħħtu u għax għandu l-appoġġ Amerikan, għamel u qed jagħmel ħerba sħiħa minn tfal, nisa, żgħażagħ u xjuħ. Ma ħallewx ġebla fuq oħra. Imma għal Trump dan ma jfisser xejn, anzi, skont hu ġab il-waqfien mill-ġlied.

Din hija s-sitwazzjoni li sabet ma’ wiċċha s-sena l-ġdida. Jingħad x’jingħad il-politika li miexi biha Trump hija perikoluża u ġabet instabilità dinjija.

[email protected]

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport