Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm artistiku?
Ta’ għaxar snin kelli ħbieb li kienu jipprattikaw l-għawm artistiku u meta kont narahom laqatni l-isport. Imbagħad bdejt immur fis-sajf għall-gost u l-Kowċ ta’ dak iż-żmien li bdiet l-isport f’Malta, Saho Harada, qaltli biex inkompli nittrenja b’iktar serjetá.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess inkredibblu li kisbt fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?
Verament kburija bis-suċċess li ksibna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Irbaħna żewġ midalji tad-deheb fil-kompetizzjonijiet tad-duets, li kienet kisba storika u ta’ sodisfazzjon enormi għat-tim kollu speċjalment minħabba li seħħ żball fl-annunzjar tar-riżultat tad-duet tech u kien mument diffiċli u konfuż għalina bħala tim. Barra minn hekk, irnexxieli nikseb midalja tal-bronż fis-solo, li kienet esperjenza speċjali ħafna għalija.
Kburija li rrappreżentajna lil Malta fl-ewwel kompetizzjoni tal-għawm artistiku fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, u ksibna l-aħjar riżultati li riedna niksbu!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Sirens ASC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Sirens ASC hi waħda pożittiva ħafna u nħossni parti minn familja li tatini appoġġ sħiħ u l-motivazzjoni biex inkompli nitjieb fl-isport. Il-kowċ tas-Sirens, Hannah Preca Trapani ilha turini sapport kbir minn meta bdejt l-isport u ratni nikber fl-atleta li jien illum. Inħossni kburija li jien atleta minn dan il-klabb u tassew onorata li nispira atleti żgħar biex jaħdmu sabiex jutilizzaw il-potenzjal tagħhom fl-isport u jikbru f’atleti b’saħħithom.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Parteċipazzjoni fl-ikbar kompetizzjonijiet internazzjonali tal-għawm artistiku fejn ksibt riżultati tajbin fil-World Cups 2024 u 2025 u ġejt fit-22 post minn 40 pajjiż fil-World Championships 2024 fid-duets. Dawn għenuni nispira ruħi biex nitjieb fl-isport nikkompeti kontra l-aħjar atleti fid-dinja.
Kif tqis il-livell tal-għawm artistiku f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell qed jitjieb b’mod kostanti, speċjalment grazzi għall-impenn tal-kowċis tan-nazzjonal, Michelle Hubner u Hannah Preca Trapani li bil-ħila tagħhom ksibna l-aħjar riżultati fuq livell internazzjonali fl-isport għal Malta. Għad hemm bżonn aktar għarfien pubbliku u investiment, imma qed naraw żieda fl-interess u parteċipazzjoni fejn hemm ‘il fuq minn mitt atleta ta’ etajiet differenti llum.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
L-aċċess għall-faċilitajiet xierqa għadu sfida. Filwaqt li għandna pixxini tajbin bħal dawk tal-Kumpless Nazzjonali, il-ħin u l-ispazju dedikat għall-għawm artistiku xi drabi jkun limitat. Dan l-isport jeħtieg sigħat twal ta’ taħrig b’minimu ta’ tliet sigħat kuljum u anke spazju fil-pixxina sabiex nipprattikaw il-‘pool coverage’ taż-żifna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?
Hekk kif għadni kemm ħadt sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra, din is-sena fadalli nieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali 2025. Inħares lejn il-futur b’tama li nilħaq l-għan tiegħi li nikkwalifika għall-Olimpjadi tal-2028 fid-duet.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-għawm artistiku.
L-għawm artistiku huwa sport uniku li jgħaqqad l-għawm u ż-żfin f’daqqa u jeħtieġ ħafna saħħa, flessibiltá u dixxiplina. Minkejja l-għejja kollha u x-xogħol iebes, l-emozzjonijiet li tħoss wara li tikseb ir-riżultat li tkun ħdimt għalih huma diffiċli li tispjegahom bil-kliem, imma hi waħda mill-isbaħ esperjenzi li għaddejt minnhom sal-lum!