Wara sagħtejn li l-ġurati ħarġu b’verdett ta’ ħtija, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qrat is-sentenza fejn ikundannat lir-raġel 25 sena ħabs.
Aktar kmieni:Verdett ta’ ħtija li pprova joqtol lill-eks mara tiegħu
Wara 4 ijiem ta’ ġuri, u ġurnata jiddeliberaw, il-ġurati ħarġu b’verdett ta’ ħtija ta’ tmien voti kontra wieħed li fih raġel instab ħati li pprova joqtol lill-eks mara tiegħu. Ir-raġel ta’ 56 sena residenti Birkirkara nstab ħati wkoll li kkaġuna fastidju u biża’ lill-eks mara tiegħu, u li uża arma mhux liċenzjata. Instab ħati wkoll b’mod unanimu ta’ theddid u inġurji kif ukoll ta’ ksur ta’ liberta proviżorja.
Il-ġurati ma sabux ħati li weġġa’ lil omm l-eks mara tiegħu.
Il-każ kien seħħ 13-il sena ilu meta r-raġel kien mar id-dar ta’ omm eks martu u ta sitt daqqiet ta’ sikkina kif ukoll kien ikkaġuna ġrieħi ħfief lil ommha.
Waqt il-ġuri spikkaw żewġ xhieda partikolari, waħda tal-vittma nnifisha li ddeskriviet dwar dak li kienet għaddiet minnu fosthom anke meta kien fix-xelter f’Għawdex u żewġha kien il-ħin kollu jsegwiha u t-tifla l-kbira tal-koppja li xehdet dwar dak li kienet tara d-dar l-aktar meta missierha kien ikun taħt l-influwenza tax-xorb.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kenneth Camilleri u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deheret l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia waqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Alexandra Mamo, qed tidher għall-vittma.
Fuq ordni tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, isem ir-raġel u l-vittma mhux qed jixxandru minħabba l-ulied komuni.