Friday, December 12, 2025

Verġni, ħobla u tredda’

....stedina lill-Partit Laburista

Aqra wkoll

Il-Malti jgħid li meta xi ħadd ikun irid żewġ affarijiet f’daqqa u li jkun impossibbli li jingħatawlu, ikun iridha ħobla u tredda’. Ippermettuli ngħid li fir-rigward tal-kwistjoni ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna u konsegwenzjalment iż-żieda fil-popolazzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid aktar minn dak li jgħid il-Malti. Il-Partit Nazzjonalista mhux biss iridha ħobla u tredda’ imma jridha wkoll verġni. 

Ngħidlek ukoll għala wasalt għal din il-konklużjoni. Imma mhux biss. Ngħidlek ukoll x’nippretendi mill-Partit Laburista permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tiegħu.

Fl-opinjoni tiegħi l-iżjed esponent tal-Partit Nazzjonalista li pprova jqajjem irwiefen dwar dan kien id-Deputat Adrian Delia li mill-mod kif tkellem dwar dan is-suġġett iwasslek biex tikkunsidrah esponent ewlieni tal-lemin estrem. B’dak kollu li jfisser. Meta ra li kien ħa falza stikka, u nġieb dahru mal-ħajt, ipprova jbenġel x’kien qanqal u pprova jdawwarha li l-Gvern Laburista ma kienx ippjana, ma kienx ħaseb, għal żieda fil-popolazzjoni  bħal dik riżultanti. L-ewwel beżaqha u mbagħad ipprova jilgħaqha. Xi ħaġa simili għal dak li għamel il-Kap tiegħu Alex Borg fir-rigward tat-torrijiet f’Għawdex.

Madankollu xorta waħda ma naħsibx li l-Partit Laburista għandu jħalli din is-sitwazzjoni tmut fuq ommha. Għax tammettiha jew le, il-verità hi li għal kull forma ta’ saram li jinqala’ qegħdin jeħlu l-barranin. U allura naħseb li jkun tajjeb  li l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Partit Laburista, u sa ċertu punt anke l-Gvern stess, jimbarkaw fuq eżerċizzju fl-opinjoni tiegħi sempliċi.

Għandha tkun xi ħaġa kbira jekk ikun ivverifikat kemm hawn barranin, hi x’inhi n-nazzjonalità tagħhom, jaħdmu fil-qasam tal-OSPITALITÀ? U f’liema impjieg? Kulħadd, xi darba jew oħra, imur jiekol  f’xi restorant/pizzerija/kafeterija. Kulħadd għajnejh f’wiċċu u kulħadd ikollu jagħmel wegħda biex jara ħaddiem Malti jew Għawdxi. U fil-lukandi? Tkun ħaġa kbira jekk ikun mistoqsi lil Jobsplus kemm hemm Maltin u Għawdxin jirreġistraw għal xogħol f’dan il-qasam u li huwa okkupat minn ħaddiema barranin?

Naħseb li Jobsplus għandhom tweġiba għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. U ladarba dawn iċ-ċifri jkunu disponibbli tkun ħaġa kbira jekk il-Partit Nazzjonalista, primarjament Adrian Delia, ikun mistoqsi kemm huwa n-numru li lest inaqqas  minn dawn il-ħaddiema?

Qasam ieħor li jinkwadra bil-kbir f’dan ix-xenarju reali huwa dak tal-CARERS. Kemm fi djar tal-anzjani tal-Gvern, kemm fi djar tal-anzjani privati, kemm ma’ anzjani fi djarhom, kemm ma’ persuni b’diżabilità. Jistgħu l-mezzi ta’ komunikazzjoni Laburisti jistaqsu mill-ġdid lil Jobsplus biex ikun magħruf kemm hawn barranin jaħdmu f’dan is-settur? Jistaqsu wkoll kemm hemm Maltin u Għawdxin li qegħdin jirreġistraw għal tali xogħol? 

Imbagħad, mill-ġdid, jistaqsu lill-Partit Nazzjonalista, lil Adrian Delia, kemm huma lesti jibagħtu ‘l barra lejn pajjiżhom ħaddiema barranin f’dan is-settur.

Hemm il-qasam tas-SAĦĦA. Kemm huwa n-numru ta’ infermiera barranin li hawn jaħdmu fl-isptarijiet tagħna? Kemm huwa n-numru ta’ tobba barranin fl-isptarijiet tagħna? Kemm huwa n-numru ta’ infermiera Maltin u Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol? 

Safejn naf jien m’hemmx infermier Malti jew Maltija wieħed jew waħda jfittxu x-xogħol. Anzi. Naf ukoll, bħalma taf int, li wieħed mill-akbar ilmenti huwa dwar  NUQQAS ta’ infermieri u mhux l-oppost. X’se jagħmel dwar dawn Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista?

U s-settur tat-TINDIF? Kemm hawn barranin jaħdmu f’dan il-qasam? Kemm hawn Maltin u Għawdxin jaħdmu f’dan is-settur u kemm hawn Maltin u Għawdxin jirreġistraw għal xogħol bħal dan? U s-settur tat-TRASPORT? Kemm hawn xufiera barranin? Kemm il-xufier Malti u Għawdxi hawn jaħdmu fit-Trasport Pubbliku u kemm hawn  Maltin u Għawdxin jirreġistraw għal dan ix-xogħol?

U s-settur tal-KOSTRUZZJONI? Għal dan is-settur japplikaw l-istess mistoqsijiet li għamilt għal setturi oħrajn. U nista’ nibqa’ għaddej b’għadd ta’ setturi oħrajn.

Nifhem li hawn eluf ta’ ħaddiema barranin  jaħdmu f’pajjiżna. Dawn fejn qegħdin jgħixu? Kollha jgħixu barra, fit-triq? Dawn m’huma jirrendu xejn lil pajjiżna? It-totalità ta’ ħaddiema barranin kemm tlaħħaq? Kemm lest inaqqas minnha l-Partit Nazzjonalista? Xi kriterji se jadotta biex ikeċċihom minn pajjiżna?

Meta u jekk il-Partit Nazzjonalista, partikolarment Adrian Delia, iwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet imbagħad wieħed ikun jista’ janalizza x’forma ta’ kredibilità jagħti lil dak imwieġeb. S’issa la Adrian Delia u lanqas il-Partit Nazzjonalista ma resqu biex joffru mhux soluzzjoni, imma ALTERNATTIVA. S’issa kulma għamlu huwa li xettlu sentiment kontra l-barrani u jwaħħlu fih u fil-Gvern għal dak kollu li jiġri, anke jekk ma tagħmilx xita jew tagħmel bil-qliel. 

Sadattant naħseb li bħali u daqsi taf li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna hija fost l-aktar baxxi fl-Ewropa u ċertament qatt ma kienet daqstant baxxa fl-istorja ta’ pajjiżna.

Għalhekk għidtlek li Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista jriduha  verġni, ħobla u tredda’.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport