Verità jew Gidba?

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Verity

L-Amerikana Colleen Hoover, hi waħda mill-aktar kittieba popolari.  Is-suċċess tar-rumanz ‘Verity’ ġibed ukoll l-attenzjoni tad-direttur Michael Showater li għaqqad kast interessanti għat-tliet partijiet ewlenin.

Dakota Johnson għandha l-parti ta’ Lowen.  Tkun kittieba imma ma tistax toħloq xi ħaġa li tiksbilha suċċess.  Tiltaqa’ ma’ Jeremy (Josh Hartnett), li jagħmlilha offerta.  Jeremy joffrilha li tikteb l-aħħar ktieb f’sensiela ta’ rumanzi popolari miktuba minn-martu Verity Crawford (Anne Hathaway).

Verity tkun experjenzat aċċident li ħalliha f’siġġu tar-roti u illimitalha l-movimenti tagħha, inkluż li ma tistax tikteb.  Lowen taċċetta b’nuqqas ta’ ħeġġa li tikteb il-ktieb.  Meta Lowen tiskopri manuskritt li Verity kienet ħbiet, Lowen tibda titħasseb jekk Verity kienitx wettqet reat mill-aktar gravi. 

Hekk kif tibda taqra, il-linja bejn il-verità u l-gideb issir dejjem aktar imċajpra. Min qed jgħid il-verità? U kemm wieħed jista’ jafda dak li jaqra? Il-film jibni suspense effettiv permezz ta’ atmosfera mudlama, sigrieti familjari u żviluppi li jżommu lill-udjenza f’ċertu dubju sal-aħħar.

F’ħafna aspetti, “Verity” huwa thriller erotiku. F’intervista, id-direttur Michael Showalter isostni li rċieva għajnuna mingħand il-kittieba Colleen Hoover biex jirfina l-iskript.  Showalter jgħid li huwa kien jibgħatilha l-messaġġi lejl u nhar matul il-fażi ta’ qabel il-produzzjoni (u anke wara) biex jistaqsi dwar il-psikoloġija ta’ ċerti karattri.  

Verity huwa thriller adattat għal min iħobb stejjer psikoloġiċi fejn xejn mhu kif jidher u l-verità tibqa’ mistoqsija miftuħa.  Il-film hu kklassifikat 15 minħabba l-lingwaġġ li jintuża, xeni ta’ sess, vjolenza, kif ukoll xeni mdemmija.

Couture

L-isfilati tal-moda ġewwa Pariġi, bl-ilbies lussuż, oriġinali u mill-isbaħ hu l-isfond tal-film, “Couture” li ddebutta waqt il-festival ta’ Toronto.  F’din id-drama Franċiża miktuba u maħduma taħt id-direzzjoni ta’ Alice Winocour, Angelina Jolie narawha f’waħda mill-aktar rwoli personali u emozzjonali, fejn anke toħroġ il-vulnerabblità tagħha.

Jolie għandha l-parti ta’ Maxine Walker, direttur Amerikana ta’ films indipendenti li tasal Pariġi biex tagħmel film qasir għal dar prestiġjuża tal-moda. Għal Maxine dan kellu jkun proġett professjonali li jgħinha tiffinanzja l-ħolma tagħha li tagħmel il-film li tassew tixtieq. Iżda ħajjitha tieħu direzzjoni kompletament differenti meta ssir taf li għandha kanċer tas-sider u jkollha tħabbat wiċċha ma’ deċiżjonijiet li jibdlu mhux biss il-futur professjonali tagħha, iżda wkoll il-mod kif tħares lejha nnifisha, kif ukoll lejn ħajjitha.

Il-film ma jiffokax biss fuq Maxine. Id-direttur tgħaqqad tliet stejjer ta’ nisa li jinsabu f’fażijiet differenti ta’ ħajjithom. Hemm Ada (Anyier Anei), mudella żagħżugħa mis-Sudan t’Isfel li qed tipprova tagħmel isem għaliha fid-dinja tal-moda, kif ukoll Angèle (Ella Rumpf), make-up artist li għandha ambizzjonijiet kreattivi tagħha. It-tliet nisa ma jsirux neċessarjament ħbieb, iżda ħajjithom tiltaqa’ u tirriflet fuq ta’ xulxin.

“Couture” hu kklassifikat 15 minħabba l-lingwaġġ iebes f’diversi xeni, , sess u xena qasira mdemmija.

The Uprising

F’dan il-film drammatiku, id-direttur Paul Greengrass jeħodna lura għall-1381 meta seħħ l-irvell tal-bdiewa ġewwa L-Ingilterra.  Kien żmien meta l-pajjiż kien għadu ħiereġ mill-pesta s-sewda.

L-Ingilterra kienet immexxija minn kunsill billi r-Re Rikardu II kien għad kellu 14-il sena.  Billi l-kunsill kellu bżonn aktar flus, iddeċidew li jgħollu t-taxxi.  Il-knisja u n-negozjanti kienu eżentati u allura t-taxxi kienu imponuti fuq in-nies foqra biss.

F’“The Uprising” Andrew Garfield hu magħruf bħala The Ploughman.  Tilef lill-martu u ż-żewġt ulieda waqt il-pesta.  Meta jmur il-belt biex iħallas t-taxxi, il-kollettur jinsisti li The Ploughman jerġa jħallas it-taxxa tal-mewt għax ma setax isib id-dokumenti.  Meta The Ploughman jara l-inġustizzji jitwettqu fuqu u nies oħra, isir aggressive u joqtol suldat li pprova jarrestah.

L-azzjoni ta’ The Ploughman tispira biex jibda l-irvell min-nies foqra.  Fuq quddiem nett tal-irvell ikun hemm ukoll Wat Tyler (Cosmo Jarvis) u l-qassis eretiku John Ball (Jamie Bell).

Interessanti, li Paul Greengrass iddeċieda li jiffilmja l-film mill-perspettiva ta’ The Ploughman u mhux minn dik ta’ Wat Tyler u John Ball li huma meqjusa bħala l-vera protagonisti.  Id-direttur ħa din id-deċiżjoni biex isaħħaħ il-punt li dan kien irvell min-nies foqra.  Minn perspettiva storika, il-karattru ta’ The Ploughman hu wieħed fittizju.

“The Uprising” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ vjolenza qawwija u mdemmija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport