Thursday, December 26, 2024

Verstappen, Hamilton u Alonso, se jiddefinixxu dan l-istaġun tal-F1?

Aqra wkoll

Max Verstappen, Lewis Hamil­ton u Fernando Alonso huma l-akbar tliet karattri tal-Formula Wieħed … fejn l-istaġun 2024,  li beda matul dawn it-tlett ijiem,  jid­her li se jiġi definit minnhom, kemm fuq it-trakka kif ukoll barra minnha.

Verstappen jibda l-istaġun bħala l-akbar favorit għar-raba’ titlu mondjali konsekuttiv, u l-probabbiltà ta’ sena oħra ta’ dominanza mill-Olandiż u t-team tiegħu tar-Red Bull, se tqajjem mistoqsijiet dwar is-saħħa tal-isport.

Hamilton irrivoluzzjona n-ne­goz­ju kollu bid-deċiżjoni tiegħu li jin­għaqad mal-Ferrari għall-2025, fejn se jifforma parti minn team ta’ sewwieqa formidabbli flimkien ma’ Charles Leclerc.

Għad fadal staġun sħiħ qabel ma l-aktar sewwieq ta’ suċċess fl-istorja jmur fl-iktar team famuż u bl-akbar storja ta’ dan l-isport, iżda d-dinamika stabbilita minn din il-mossa se tirbaħ fit-tul u fil-fond.

Il-mossa ta’ Hamilton se jkol­lha impatt dirett fuq Alonso, li jibda l-istaġun ftit inqas minn ħames xhur wara li jkun għalaq 43 sena, iżda ma jistax ma jkunx fiċ-ċentru ta’ wieħed mill-aktar swieq tas-sewwieqa interessanti fil-memorja riċenti, bil-kuntratti ta’ ħafna mis- sewwieqa jridu jiġu mġedda.

Parti mill-attenzjoni ta’ dan l-is­taġun se tkun fuq is-sewwieq Spanjol, li minkejja l-etá tiegħu, fl-is­taġun li għadda kien wieħed mill-protagonisti. 

Għall-istennija kollha li Red Bull ikomplu minn fejn ħallew fi tmiem l-istaġun li għadda, matul dawn l-aħħar jiem għaddew minn esperjenza kerha minħabba l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-kap tat-team, Christian Horner.

Peró, proprju nhar l-Erbgħa li għadda, huwa ma nstabx ħati wara investigazzjoni interna dwar l-imġieba tiegħu lejn kollega mara.

Horner, li għandu, 50 sena,  kien taħt investigazzjoni minn min iħaddmu wara stqarrijiet ta’ imġieba mhux xierqa lejn kollega mara, li huwa “ċaħad għal kollox”.

Kien hemm inkjesta għaddejja u Red Bull qatt ma taw informazzjoni żejda dwar dan il-każ.

Kulħadd fil-Formula Wieħed sema’ d-dettall tal-allegazzjoni­jiet (li ma setgħux isiru pubbliċi) u kien hemm tħassib mifrux fost figuri anzjani tal-Formula Wieħed dwar il-ħsara li dan l-episodju seta’ għamel lill-immaġini ta’ dan l-isport.

Għalhekk ir-rimarki tal-kap tal-Mercedes, Toto Wolff, waqt l-ittestjar, meta qal li l-investigazzjoni kienet “kwistjoni għall-F1 kollha”, setgħet kellha riperkussjonijiet koroh.

Il-kontroparti tiegħu fil-Mc­L­aren, Zak Brown, huwa l-uniku persuna kbira oħra li tkellem fuq din il-kwistjoni. L-Amerikan iddeskriva s-sitwazzjoni bħala “estremament serja” u, bħal Wolff, appella biex it-team tar-Red Bull ikun trasparenti dwar l-investigazzjoni u s-sejbiet tagħha.

Sakemm ġiet konkluża, is-sitwazzjoni poġġiet lil kulħadd fl-F1, kemm ġewwa kif ukoll barra r-Red Bull, f’pożizzjoni mhux xierqa.

U ma setgħetx ma tkunx ta’ distrazzjoni għar-Red Bull. Din is-sitwazzjoni setgħet iddefinixxiet l-is­ta­ġun tagħhom. 

Is-saga ta’ Horner faqqgħet jiem biss wara l-istorja enormi l-oħra tal-istaġun … it-trasferiment ta’ Hamilton għal mal-Ferrari fl-2025.

Din l-aħbar  ħalliet lil kulħadd b’sorpriża – anke lil Mercedes stess. Hamilton informa lil Wolff dwar id-deċiżjoni tiegħu waqt il-kolaz­zjon … jum biss qabel ma din ħarġet fil-media.

Kien aktar u aktar mhux mistenni għall-fatt li Hamilton kien iffirma kuntratt ġdid mal-Mercedes biss fis-sajf li għadda, li dak iż-żmien kien imħabbar bħala kuntratt ta’ sentejn.

Jirriżulta li n-negozjati ma kkuntentawx lil Hamilton, u li hu kellu klawsola ta’ rilaxx wara staġun wieħed. 

Kien jidher li xejn ma kien impressjonat b’dak li ħass li kien in-nuqqas ta’ impenn tal-Mercedes lejh meta kien qed ifittex kuntratt itwal.

Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat kienu diġà taħt tensjoni me­ta t-team injora t-talbiet tiegħu biex jabbanduna l-filosofija kon­tro­versjali – u issa skreditata – tad-di­sinn tagħhom matul staġun diffiċli tal-2022, u b’hekk Hamilton dde­ċieda li jingħaqad mal-Ferrari.

“L-opportunitá ġiet fis-seħħ fl-aħħar tas-sena u ddeċidejt li ne­ħo­d­ha,” qal waqt l-ittestjar il-ġimgħa li għaddiet, u żied li “vera­ment dan ma kienx iseħħ” mingħajr l-appoġġ tal-kap tat-team tal-Ferrari, Frede­ric Vasseur.

Dik ir-rimarka żgur li weġġgħet lil Wolff, li ħadem ma’ Hamilton għal għaxar snin u huwa wieħed mill-eqreb ħbieb ta’ Vasseur.

Għal dak kollu li Hamilton u l-Mercedes huma professjonisti, u jkunu jridu kemm jista’ jkun jik­sbu l-aqwa riżultati, inevitabbilment dan jista’ jwassal għal atmosfera skomda.

Ifisser ukoll li issa hemm post fil-Mercedes miftuħ għall-2024. Sergio Perez huwa wkoll bla kuntratt mar-Red Bull, hekk kif intqal li l-Messikan li jrid itejjeb il-wirjiet li ma kienux daqstant brillanti fl-istaġun li għada jew inkella jista’ jintwera l-bieb ta’ barra. 

Ekonomija

Sport