Friday, February 7, 2025

Veterani: Floriana jżommu l-ewwel post

Aqra wkoll

Floriana – Birkirkara St Helen’s 4-2

Floriana baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League meta rebħu l-konfront dirett kontra Birkirkara St Helen’s 4-2.

Kienet logħba ferm sabiħa b’Birkirkara jibdew tajjeb tant li ħolqu diversi okkażjonijiet u marru fil-vantaġġ iżda Floriana wara li ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima komplew jiskorjaw u ħadu t-tliet punti finali.

Manolito Micallef, Glenn Bonello, Brian Said u Emerson Amaira skorjaw għall-Greens filwaqt li Federico Marine u Jean Pierre Mifsud Triganza kienu l-awturi tal-gowls ta’ Birkirkara.

Gżira United – Rabat Veterans 6-3

Isegwu fil-klassifika hemm Gżira United li kif għelbu lil Rabat 6-3. Ma kinitx logħba faċli għall-Maroons bir-Rabtin li dejjem kienu viċin l-avversarji.

Daniel Mariano Bueno spikka għall-Gżirjani meta skorja tliet gowls filwaqt li Dino Cachia kien awtur ta’ doppjetta. Sebastian Nayar żied ieħor għat-tim tiegħu.

Rabat baqgħu fil-logħba b’gowls ta’ Adam Smeir u Melvin Borg.

MFPA – Hibernians 8-5

Iċ-champions MFPA kisbu tliet punti importanti biex jibqgħu fil-parti ta’ fuq tal-klassifika wara li għelbu lil Hibernians 8-5.

Kienet logħba mimlija gowls bir-riżultat li kien inċert sal-aħħar. Gareth Sciberras, Mark Barbara u George Frendo skorja doppjetta kull wieħed filwaqt li Michael Galea u Alexander Ribic niżżlu wkoll isimhom fost l-iskorers.

Hibernians sabu x-xibka permezz ta’ Malcolm Camilleri, Ilia Nazarov, Stefan Cauchi, Marco Makkito u Clayton Micallef Vassallo.

Żurrieq Wolves – Żejtun Red Stars 2-1

Fi dwell bejn żewġ timijiet tan-naħa t’isfel tal-klassifika, Żurrieq Wolves għelbu lil Żejtun Red Stars 2-1.

Alexei Saliba kien l-eroj għaż-Żrieraq meta skorja doppjetta personali filwaqt li Żejtun Red Stars skorjaw fl-aħħar parti tal-logħba permezz ta’ Etienne Farrugia.
B’din ir-rebħa, Żurrieq Wolves telgħu b’disa’ punti filwaqt li Żejtun Red Stars għadhom ifittxu l-ewwel punti tagħhom tal-istaġun.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League

Floriana 27, Gzira United 25, Birkirkara St Helen’s 20, MFPA 19, Rabat 14, Zurrieq Wolves 9, Hibernians 3, Zejtun Red Stars 0.

KLASSIFIKA TAL-AQWA SKORERS – VMFA Cisk Premier League

Adam Smeir (Rabat Veterans) 22 gowl, Ayrton Buhagiar (Birkirkara St Helen’s) 21 gowl, Daniel Mariano Bueno (Gzira United) 18-il gowl, Glenn Bonello (Floriana) 17-il gowl, Michael Galea (MFPA) 14-il gowl.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport