Wednesday, March 11, 2026

Veterani Laburisti jiddiskutu l-opportunitajiet u l-isfidi tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-anzjani

Aqra wkoll

Diskussjoni organizzata minn Veterani Laburisti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ffokat fuq kif l-Intelliġenza Artifiċjali qed tibdel il-ħajja ta’ kuljum u fuq l-importanza li kulħadd, inkluż l-anzjani, ikun infurmat u mħejji għal dawn il-bidliet. Fil-laqgħa ħadu sehem numru ta’ anzjani biex jiddiskutu kemm l-opportunitajiet, kif ukoll l-isfidi li ġġib magħha din it-teknoloġija.

Il-President tal-Veterani Laburisti Anthony Degiovanni fakkar li hekk kif l-għomor tal-ħajja qed jiżdied, is-soċjetà trid tkun ippreparata u l-anzjani għandhom jibqgħu jitgħallmu u jkunu parti mid-deċiżjonijiet, u mhux iħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalihom.

Il-Membru Parlamentari u espert dwar it-teknoloġija Ray Abela spjega kif l-AI qed issir parti dejjem aktar integrali mill-ħajja ta’ kuljum u tista’ tkun għodda utli wkoll għall-anzjani biex jibqgħu aktar konnessi u infurmati, filwaqt li saħaq li l-għarfien u t-taħriġ huma essenzjali biex tintuża b’mod sigur u b’kunfidenza.

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba qal li l-AI llum saret realtà li qed tinfluwenza l-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw, u li filwaqt li tista’ toffri ħafna opportunitajiet u tiffranka ħin u riżorsi, hu importanti li n-nies ikunu infurmati dwar kif taħdem u dwar ir-riskji tagħha, speċjalment fejn jidħlu persuni aktar vulnerabbli.

Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras sostna li diskussjonijiet bħal dawn juru l-impenn li nħarsu ’l quddiem u niddiskutu temi li qed ibiddlu s-soċjetà, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ kontinwu sabiex it-teknoloġija tkun għodda li sservi lis-soċjetà kollha, inkluż lill-anzjani.

L-għan tal-laqgħa huwa li ssir diskussjoni titratta l-fatt li bl-edukazzjoni u t-taħriġ kulħadd jista’ jibbenefika mill-opportunitajiet li ġġib magħha l-Intelliġenza Artifiċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport