Sunday, November 24, 2024

Veterani: MFPA Champions tal-VMFA Hyundai Premier League

Aqra wkoll

MFPA ġew dikjarati matematikament champions tal-VMFA Hyundai Premier League wara li għelbu lil Rabat Veterans 9-8.

It-tim tal-Malta Football Players Association kienu dominanti tul l-istaġun kollu wara li kisbu 34 punt minn 13-il logħba li minnhom rebħu 11, ġew draw f’okkażjoni waħda u tilfu biss konfront wieħed.

Il-logħba kontra r-Rabtin xejn ma kienet faċli hekk kif dawn tal-aħħar kellhom it-tieni round li kien wieħed pożittiv u kienu ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi. Huma kellhom wirja tajba kontra ċ-champions il-ġodda u kienu żvinturati li ma ħarġux minn din il-partita b’punt.

Mark Barbara u Jonathan Bondin skorjaw tliet gowls kull wieħed filwaqt li Alexandar Ribic kien awtur ta’ doppjetta. Stephen Wellman żied ieħor għat-tim tiegħu.

Għal Rabat l-eroj tagħhom kien l-iskorer prolifiku Adam Smeir li skorja poker filwaqt li Darren Galea kien awtur ta’ doppjetta. Christian Muscat niżżel ismu fost l-iskorers.

Fit-tieni post hemm Gżira United li kellhom sfida iebsa minn Pieta’ Hotspurs għalkemm xorta rebħu 7-4.

Alex Muscat kompla jsaħħaħ postu fil-quċċata tal-aqwa skorers meta kien awtur ta’ erba’ gowls b’Jonathan Pearson li skorja doppjetta. Beppe Antignolo għaqqad l-iskor għal Maroons.

Għal Pieta’ Roderick Farrugia skorja żewġ gowls filwaqt li Leandros Calleja u Kevin Agius baqgħu jagħtu tama lit-tim tagħhom.

Birkirkara St Helen’s telgħu fit-tielet post tal-klassifika hekk kif għelbu lil Żurrieq Wolves 3-0. Kienet logħba li l-Karkariżi amministraw għal ħafna ħin b’Żurrieq li bdew iwettqu diversi kontrattakki li iżda l-ebda minnhom ma rriżulta f’gowl.

David Azzopardi, Andy Portelli u Erin Azzopardi skorjaw il-gowl għal Birkirkara.

Luxol ħadu walk-over ta’ 3-0 kontra Żejtun Red Stars.

KLASSIFIKA – VMFA Hyundai Premier League

MFPA 34, Gżira United 24, Birkirkara St Helen’s 22, Żejtun Red Stars, Rabat Veterans 20, Pieta Hotspurs 13, Luxol 11, Żurrieq Wolves 6.

Sport