MFPA baqgħu juru l-konsistenza tagħhom fil-Malta Veterans Premier League meta rreġistraw ir-raba’ rebħa staġjonali wara li għelbu lil Rabat Veterans 5-3.
Ma kinitx logħba faċli għal Malta Football Players Association hekk kif sabu lir-Rabtin ferm determinati għalkemm xorta waħda ma rnexxielhomx jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.
George Frendo skorja doppjetta għal MFPA filwaqt li Thomas Paris, Alexander Ribic u Jonathan Bondin kienu wkoll fost l-iskorers.
Andre Scicluna skorja doppjetta filwaqt li Andy Mangion kompla naqqas l-iskor għar-Rabtin.
Referee kien Paul Apap.
Fit-tieni post tal-klassifika hemm Gżira United li fil-logħba tagħhom kontra Hibernians setgħu jiġu biss fi draw ta’ 3-3.
Il-Gżirjani kellhom diversi elementi neqsin iżda min-naħa tagħhom, il-Pawlisti kienu ferm tajbin fl-azzjonijiet tagħhom tant li fi tliet okkażjonijiet skorjaw il-gowls.
Kevin Sammut spikka fost il-Maroons bi tliet gowls b’Hibernians li skorjaw il-gowls tagħhom minn doppjetta ta’ Beppe Antignolo u gowl ieħor ta’ Glanville Goodlip.
Referee kien Paul Apap.
Luxol St Andrew’s komplew fit-triq tal-progress hekk kif għelbu lil Birkirkara St Helen’s 6-3.
Glenn Bonello kompla juri ruħu bħala skorer prolifiku hekk kif skorja tliet gowls b’Nenad Stankic li kien awtur ta’ doppjetta. Tyron Borg kien ukoll fost l-iskorers għat-tim minn St Andrew’s.
Federico Marine Tejada, Malcolm Camilleri u Gilbert Camilleri skorjaw il-gowls tal-Karkariżi.
Referee kien Jonathan Balzan.
Floriana kisbu t-tielet rebħa staġjonali wara skor ta’ 4-2 kontra Żurrieq Wolves.
Bojan Kaljevic skorja tliet gowls għall-Furjaniżi b’Manolito Micallef iżid ieħor għat-tim tiegħu. Giuseppe Muscat skorja doppjetta għal Żurrieq Wolves.
Referee kien Jonathan Balzan.
KLASSIFIKA – MALTA VETERANS PREMIER LEAGUE
MFPA 13, Luxol St Andrew’s 12, Gżira United 10, Floriana 9, Hibernians 7, Birkirkara St Helen’s 4, Żurrieq Wolves 3, Rabat Veterans 0

