Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġie attrezzat b’vetturi ġodda għas-salvataġġ tal-annimali. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, flimkien maċ-Chief Veterinary Technical Officer tad-Direttorat, Joseph Zammit.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat l-importanza ta’ din l-inizjattiva sabiex jiġi żgurat l-aħjar trattament għall-annimali. “Dawn il-vetturi fihom it-tagħmir meħtieġ sabiex jipprovdu l-aħjar servizz għall-annimali midruba fit-toroq tagħna. Irridu niżguraw li s-servizz ikun aktar effiċjenti u jilħaq aktar annimali li jkunu jinsabu fil-periklu,” kompliet tgħid Bugeja Said.
Hija qalet li fl-aħħar 18-il xahar kien hemm aktar minn 3,000 każ ta’ salvataġġ mid-Direttorat. “Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jimplimenta aktar inizjattivi li jkomplu jiżguraw il-ħarsien favur l-annimali,” temmet tgħid is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Joseph Zammit semma l-ħidma li d-Direttorat qed iwettaq ta’ kuljum. Huwa tenna li dawn il-vetturi ġodda se jgħinu aktar fis-servizz li jagħtu fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Huwa fakkar li n-numru tal-emerġenza huwa 1717, filwaqt li żied li dan is-servizz mogħti b’xejn mill-Gvern huwa disponibbli 24 siegħa kuljum.