Saturday, December 14, 2024

Vetturi ġodda tat-tifi tan-nar b’investiment ta’ €190,000

Aqra wkoll

Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Dan jissarraf fix-xiri ta’ erba’ bowsers tal-ilma li jġorru fuqhom aktar minn 120,000 litru ta’ ilma

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri flimkien mal-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbru investiment ta’ €190,000 li sar mill-Malta Industrial Parks li tat assistenza finanzjarja lill-Protezzjoni Ċivili biex biha jinxtraw sett ta’ inġenji ġodda tat-tifi tan-nar. Dawn jinkludu żewġ bowsers tal-ilma li jesgħu mal-42,000 litru, kompluta bil-pompi, apparat ieħor mekkaniku, kif ukoll żewġ bowsers oħra li jġorru mal-20,000 litru kull wieħed.

Il-Ministru Schembri qal li dan l-investiment se jissarraf biex tissaħaħ kemm is-sigurtà kif ukoll il-komunitajiet tagħna. Dan għaliex l-investiment se jwassal għall-aktar għajnuna biex fil-bidu ta’ inċident jagħti l-faċilità lill-pumpiera biex jikkontrollaw in-nirien aħjar.

Fl-istess waqt il-Ministru Camilleri qal li r-realtà tal-lum hi li ż-żoni industrijali kibru u b’konsegwenza kibru wkoll il-bżonnijiet tagħhom. Huwa qal li dan ifisser li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jrid jaddatta għal din ir-realtà wkoll.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila spjega li l-ewwel ftehim kien ġie iffirmat sentejn ilu wara li kien seħħ inċident maġġuri ta’ nirien f’impjant ta’ riċiklaġġ.

Ekonomija

Sport