Friday, December 27, 2024

Viċi President tal-PE arrestata fuq allegat każ ta’ korruzzjoni

Aqra wkoll

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili ġiet arrestata f’investigazzjoni dwar suspett ta’ tixħim minn stat tal-Golf.

Il-prosekuturi Belġjani jemmnu li dan il-pajjiż, li ma ssemmiex liema hu, allegatament ipprova jinfluwenza lill-parlament bi flus jew rigali oħra. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, ġew arrestati erbgħa oħra. 

Il-midja fil-pajjiż, issuġġeriet li l-istat tal-Golf inkwistjoni kien il-Qatar, iżda kelliem tal-Qatar qal li ma kienx konxju ta’ xi investigazzjoni u ċaħad kwalunkwe imġiba ħażina.

Kaili, leġiżlatur fil-Parlament Ewropew u waħda mill-14-il viċi presidenti eletti tagħha, ġiet sospiża mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi tal-Parlament u mkeċċija mill-partit ċentru-xellugi Grief Pasok.

Fi stqarrija, il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi qal li għandu “tolleranza żero” għall-korruzzjoni, u se jkun qiegħed jgħin fl-investigazzjoni.

“L-investigaturi kienu ssuspettaw li stat tal-Golf kien ilu jinfluwenza d-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi tal-parlament għal diversi xhur,” qal kelliem għall-prosekuturi federali tal-Belġju fi stqarrija.

Intqal li l-investigazzjoni hija dwar l-organizzazzjoni kriminali, il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus. Kelliem għall-Parlament Ewropew qal mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li mhux se jikkummenta dwar l-investigazzjoni li għaddejja, iżda se jaħdem flimkien mal-awtoritajiet lokali jekk ikun hemm bżonn. 

Fil-jum li fih ġew arrestati dawn il-persuni, id-9 ta’ Diċembru, kien jaħbat ukoll il-Jum Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni magħżul min-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll immarkat mill-Parlament Ewropew. 

Ekonomija

Sport