Maġġoranza assoluta tal-kunsilliera tal-villaġġ Slovakk Varin ivvotaw kontra t-talba li jinbidel isem ta’ triq partikolari li hija msemmija għal Monsignor Jozef Tiso. Dan kien il-mexxej faxxita tal-ewwel Repubblika Slovakka fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
Kien biss kunsillier wieħed li vvota favur it-tneħħija ta’ dan l-isem, il-bqija vvotaw kontra. Issa din il-kwistjoni se tkun qiegħda titressaq quddiem il-qorti, filwaqt li l-kunsill irid li din il-kwistjoni titpoġġa għal referendum li fih jipparteċipaw in-nies tal-lokal.
It-triq inkwisjoni ġewwa Varin, li jinsab fir-reġjun ta’ Zilina, għandha l-isem ta’ Tisova. Iktar kmieni din is-sena, għadd ta’ attivisti kienu qalgħu l-plakka li turi l-isem tat-triq bħala turija ta’ protesta; azzjoni li segwiet numru ta’ attentati oħrajn biex dan l-isem jitneħħa.
Tiso kien ukoll qassis tal-Knisja Kattolika Rumana u okkupa l-kariga ta’ President tal-ewwel Repubblika Slovakka bejn l-1939 u l-1945 meta dakinhar dan il-pajjiż kien taħt id-dominju tal-Ġermanja Nażista.