Friday, November 22, 2024

Villaġġ tal-Milied f’San Ġwann bil-qliegħ kollu jmur għall-iskola primarja 

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali San Ġwann flimkien mal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann organizza b’suċċess villaġġ tal-Milied bl-isem ta’ “Enchanted Village” u l-mixegħla tad-dwal tal-Milied bl-iskop li tingħata dehera sabiħa natalizja lil San Ġwann. Din l-attivita` ġiet sostnuta finanzjarjament mill-Kunsill Lokali San Ġwann u mis-Segretarjat u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali, dan flimkien mas-Surmast u l għalliema li kienu strumentali fis-suċċess ta din l-inizjattiva dan filwaqt li l-qliegħ kollu tagħha mar għall-iskola Primarja ta’ San Ġwann. 

Din l-attivita` li saret fl-iskola, kienet mifruxa fuq tlett ijiem b’numru ta’ prestazzjonijiet artistiċi tal-aqwa talent lokali u kif ukoll numru ta’ esibituri u bejjiegħa li offrew ikel, ħelu, xorb, affarijiet tal-Milied u bosta affarijiet oħra varji fosthom sezzjoni ddedikata għal Puttinu Cares. Ma naqasx ukoll is-sehem tal-Għaqda Piroteknika 11 ta’ Frar, l-Għaqda  Festa Esterna Madonna ta’ Lourdes, l-Għaqda Muzikali Madonna ta Lourdes, San Ġwann FC u San Ġwann Scout Group, bl-iskop li jinbet il-ferħ fost numru ta’ familji u tfal f’dan l-ambjent mill-isbaħ.

Il-logħob tat-Tazza tad-Dinja kien esibit ukoll f’dan l-ambjent, fejn kien hemm sezzjoni t’apposta għad-dilettanti u l-familji tal-futbol. Marbut mat-tiżjin u l-organizzar artistiku, tajjeb ukoll li wieħed jinnota li żdied id-dawl tal-Milied, partikolarment f’toroq ġodda, li jinkludi siġar kbar tal-Milied illuminati.

Is-Sindku Trevor Fenech ħa l-opportunita` biex jirringrazzja l-iskola li wara s-success ta Honey the Kids, din reġgħet infetħet u ġiet trasformata f’xi ħaġa differenti mis-soltu. Żied jghid li dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu lill-lokal u l-għaqdiet, filwaqt li l-parteċipazzjoni minn nies varji tkompli tikber.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, l-Onorevoli Alison Zerafa Civelli filwaqt li attendiet għall-ftuħ tal-attività, saħqet li dawn l-avvenimenti jkomplu juru kemm il-Kunsilli Lokali kapaċi joffru attivitajiet ta’ livell u faħħret lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li dejjem ikun minn ta’ quddiem biex jibbenefika minn fondi kulturali li joħroġ id-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Sport