L-attakkant internazzjonali Brażiljan ta’ Real Madrid, Vinicius Junior, semma’ leħnu billi kkritika bl-aħrax lill-Assoċjazzjoni Spanjola minħabba l-abbuż razzjali lejn players ta’ kulur.
Dan wara li huwa nnifsu kien fil-mira ta’ kant oxxen mill-istands fir-rebħa tad-derby ta’ Real Madrid 2-1 barra minn darhom kontra Atletico Madrid, f’Settembru li għadda, b’La Liga tonqos milli tirreaġixxi biżżejjed għal din il-kwistjoni persistenti li qed tikber fil-football Spanjol.
Vinicius irċieva aktar abbuż, kemm fl-istadium kif ukoll fuq il-media soċjali fil-logħbiet sussegwenti tal-kampjonat qabel il-waqfa tat-Tazza tad-Dinja 2022.
Tfaċċaw aktar filmati ta‘ tgħajjir razzist mmirat lejn Vincius, proprju fir-rebħa ta’ Real Madrid fuq Valladolid bl-iskor ta’ 2-0, nhar il-Ġimgħa li għadda.
Il-player ta’ 22 sena qal: “Ir-razzisti jkomplu jmorru fl-istadiums, u jaraw l-aqwa club fid-dinja mill-qrib, u La Liga tibqa’ tkompli ma tagħmel xejn.
“Se nkompli nilgħab b’rasi għolja u niċċelebra r-rebħiet tiegħi u ta’ Real Madrid. Fl-aħħar mill-aħħar, tort tiegħi!”
Vinicus x’aktarx ikun mserraħ għall-vjaġġ ta’ Real Madrid meta se jmorru jilagħbu għand CP Cacereno fit-Tazza Spanjola, bħala parti minn formazzjoni mibdula kontra t-team tar-raba’ livell, qabel ma jirritorna għall-konfront tal-kampjonat f’Villarreal fis-7 ta’ dan ix-xahar.