Sunday, December 22, 2024

Vinicius Jr u Javier Tebas jattakkaw lil xulxin dwar ir-razziżmu

Aqra wkoll

Il-president ta’ La Liga, Javier Tebas, assigura li “la Spanja u lanqas La Liga m’huma razzisti”, bi tweġiba għall-messaġġ tal-attakkant internazzjonali Brażiljan Vi­nicius Jr, li fih il-player ta’ Madrid sostna li l-immaġni tal-kompetizzjoni hija “mgħajra” u li l-president, minflok jikkritika lir-razzisti,  ħareġ jattakka lill-istess Vinicius.

“Minflok jikkritika lir-razzisti, il-president ta’ La Liga jidher fuq il-midja soċjali biex jattakkani. 

“Irrispettivament kemm jitkellem u jippretendi li ma jaqrax u ma jagħtix każ, l-immaġni tal-kampjonat hija waħda mtappna,” qal l-attakkant, f’botta u risposta ma’ Tebas fuq Twitter, wara l-lejl tal-inċidenti fil-Mestalla Stadium. 

Vinicius Jr sostna li huwa identifika partitarju li insulentah mill-istands u r-referee Ricardo de Burgos Bengoechea attiva l-protokoll ta’ kontra r-razziżmu.

Il-president ta’ LaLiga reġa’ wieġeb pubblikament lill-player Madrilen u lill-akkużi tiegħu b’erba’ punti fl-argumenti tiegħu. 

“La Spanja u lanqas La Liga m’huma razzisti u huwa inġust ħafna li ngħidu hekk,” huwa beda.

“Minn La Liga, aħna niddeploraw,  niddenunzjaw u nipproċessaw ir-razziżmu bil-ħruxija kollha fi ħdan il-kompetenzi tagħna. 

“F’dan l-istaġun ġew irrapportati disa’ insulti razzisti (tmienja minnhom kienu għal insulti kontra Vinicius). Dejjem nidentifikaw lil min joħloq l-inkwiet u immedjatament ngħaddu dawn l-ilment lill-korpi tas-sanzjonijiet.  Minkejja li jkun hemm ftit ħafna … aħna xorta waħda nieħdu l-azzjonijiet u passi dixxiplinari li jkun jinħtieġ,” żied jgħid. 

Fl-aħħarnett, Tebas iddefenda x-xogħol li qed isir f’La Liga, li żied il-preżenza ta’ ħaddiema fl-istadiums biex jirrappurtaw l-insulti, id-diżrispett lejn l-avversarji u kull inċident li jseħħ fl-istands. Huwa sostna wkoll li tal-preżenza tal-persunal ġiet ridoppjata fil-logħbiet ta’ Madrid wara l-inċident ta’ Vinícius f’diversi bliet.

“Ma nistgħux inħallu lil dan iħammeġ l-immaġini tal-kompetizzjoni tagħna li fuq kollox hija simbolu ta’ għaqda bejn il-popli, fejn aktar minn 200 player iswed fi 42 club jirċievu r-rispett u l-affezzjoni tal-partitarji kollha kull ġurnata tal-partita, bir-razziżmu jkun kwistjoni estremament speċifika,” temm jgħid Tebas. 

Ekonomija

Sport