Sunday, December 22, 2024

Virtu Ferries żammet stabbli l-ispejjeż tagħha tal-ġarr tal-merkanzija lejn Malta

Aqra wkoll

Il-kumpanija Virtu Ferries qalet li kontra x-xejra dinjija, hija żammet stabbli l-prezzijiet tagħha għall-ġarr tal-merkanzija lejn Malta.

Fi stqarrija hija rreferiet għal dak li qed ibassru ekonomisti ewlenin marbuta maż-żieda fil-prezz ta’ bosta oġġetti tal-ikel u bżonnijiet ta’ kuljum, l-aktar minħabba żieda fit-tariffi tal-merkanzija madwar id-dinja u fatturi oħra fosthom dawk marbuta mal-Covid-19.

Il-kumpanija qalet li l-ikel ġie affettwat b’mod partikolari, fejn żdied bl-ogħla rata fl-aħħar erba’ snin u mhux probabbli li jibda jonqos qabel Ottubru ta’ din is-sena.

Qalet ukoll li f’każ wieħed kien irrappurtat li l-ispejjeż tal-merkanzija ta’ kontejner, li qabel kienu ta’ bejn €2,000 u €3,000, issa telgħu sa €17,000 u rriżultaw f’żieda ta’ 500% fil-prezz.

Iżda, kontra x-xejra internazzjonali, Virtu Ferries qalet li hija żammet l-ispejjeż tal-merkanzija fil-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Barra minn hekk, sabiex tassisti lill-SMEs, hija qalet li fil-fatt naqqset l-ispiża tal-merkanzija għal vetturi kummerċjali żgħar u ta’ daqs medju billi introduċiet skemi favorevoli biex tassisti intrapriżi emerġenti.

Qalet li importaturi li jakkwistaw prodotti mill-Italja, u b’mod partikolari Sqallija, ma rawx żieda fit-tariffi tal-merkanzija waqt li l-bejjiegħa bl-imnut qed jieħdu vantaġġ sħiħ mill-offerti tagħha biex inaqqsu l-ispiża tagħhom għall-ġarr tal-merkanzija. 

Il-kumpanija Virtu Ferries qalet li issa qed topera b’żewġ bastimenti bi vjaġġi ta’ kuljum f’ħin konvenjenti, diversi drabi fil-ġimgħa. Qalet li l-frekwenza tal-vjaġġi hija ta’ importanza partikolari għall-importaturi, li tgħinhom biex jaħżnu l-merkanzija fi Sqallija mingħajr spejjeż addizzjonali. 

Ekonomija

Sport