OIx-xogħol li suppost jagħti l-għajxien donnu qed jinbidel f’inkubu fejn iseħħu l-fatalitajiet. Dan ilna narawh fis-snin li għaddew u għadu jippersisti sal-ġurnata tal-lum. Hekk kif rifless f’mewta oħra ta’ ħaddiem li reġa’ kellna f’post tax-xogħol kaġun ta’ waqa’ minn għoli ta’ ħames sulari.
Din mhix l-ewwel mewta inċidentali fuq post tax-xogħol għal din is-sena. Fil-fatt f’dawn id-disa’ xhur diġà kellna 11-il inċident fatali li jfisser aktar minn mewta kull xahar. Allura hawn nerġgħu ntennu x’qed jiġri fil-postijiet tax-xogħol biex qed ikollna daqshekk fatalitajiet.
Kull mewta tħalli warajha vittmi oħra. Hemm familja li tibqa’ ssofri r-rimors għomorha kollu. Hemm familja li ebda kumpens materjali jew finanzjarju ma jġibilha lura dak li tkun tilfet.
Il-familjari ta’ dak il-ħaddiem li joħroġ biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u ma jirritornax lura. F’pajjiżna għandna ħafna liġijiet u regolamenti mill-aqwa. Imma dawn qed jibqgħu fuq il-karta biss? Skont dawn ir-regolamenti l-obbligu tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà jaqa’ fuq min iħaddem. Imma b’daqshekk ma jfissirx li l-ħaddiem m’għandux jieħu ħsieb saħħtu u ħajtu.
Wieħed hawn irid jistaqsi wkoll jekk wasalx iż-żmien li r-regolamenti dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol hux il-mument li dawn jerġgħu jiġu riveduti fejn meħtieġ, għax ma jistax ikun aktar li jibqa’ jkollna dawn l-imwiet kollha ta’ ħaddiema.
Dan li qed ngħidu ma rriduhx jinftiehem li qed nippuntaw subgħajna lejn xi ħadd jew lejn xi naħa. Żgur imma li xi mkien hemm xi ħaġa li mhijiex taħdem kif għandu jkun.
Ma jistax ikun aktar li wara xi traġedja bħal dik ta’ jumejn ilu jsir biss tpaċpiċ u azzjoni xejn. Għalhekk, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jeħtieġ li jkollha aktar poteri li tieħu azzjoni fejn tara nuqqasijiet.
Nemmnu li dan diġà qed tagħmlu għax l-aħħar ċifri ppubblikati wrew li l-Awtorità ħadet passi f’aktar minn 1,000 każ f’postijiet tax-xogħol diversi. Imma dan jidher li mhux biżżejjed. Jeħtieġ aktar deterrenti li jirriflettu l-postijiet tax-xogħol tal-lum. Huwa minnu li s-settur tal-kostruzzjoni qed iħalli l-akbar ammont ta’ vittmi, iżda ma rridux ninsew li hemm setturi oħra li jinħtieġu aktar sigurtà.
Għalhekk hemm bżonn li l-Awtorità tkun pro-attiva u tagħmel skrutinju u spezzjonijiet kontinwi fuq is-siti kollha tal-kostruzzjoni biex taċċerta li l-perikli għas-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema, jekk ma jiġux eliminati, almenu jkunu mrażżna.
Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħajja tal-ħaddiema għandhom jibqgħu prijorità assoluta l-ħin kollu u kullimkien.