Hekk kif il-133 kardinal ingħalqu f’konklavi biex jeleġġu l-Papa li jmiss, għadhom jitqajmu mistoqsijiet dwar jekk il-Vatikan u Papa Franġisku għamlux biżżejjed biex iwaqqfu l-abbużi sesswali fuq tfal u jekk ħadux passi kontra l-membri tal-kleru “predaturi”.
Għall-Knisja Kattolika, l-ebda aspett tar-rekord tal-Papa Franġisku mhu aktar sensittiv jew kontenzjuż mill-immaniġġjar tiegħu tal-abbuż sesswali tat-tfal minn membri tal-kleru.
Filwaqt li huwa rikonoxxut b’mod mill-aktar wiesgħa li Papa Franġisku mar ħafna lil hinn mill-predeċessuri tiegħu fir-rikonoxximent tal-vittmi, u huwa kkreditat għar-riforma kbira tal-proċeduri interni tal-Knisja stess, biex jindirizza l-kwistjoni tal-abbuż, ħafna minn dawk li sofrew abbuż sesswali minn membri tal-kleru madankollu ma jaħsbux li għamel biżżejjed.
Fl-2019, Papa Franġisku kien sejjaħ aktar minn mitt Isqof f’Ruma għal konferenza dwar il-kriżi. Dakinhar kien qalilhom li fl-abbuż tat-tfal, “Aħna naraw l-id tal-ħażen”.
Dik il-konferenza tal-Isqfijiet kienet wasslet għal reviżjoni tal-liġi tal-Knisja dwar is-segretezza pontifikali li tippermetti kooperazzjoni mal-qrati ċivili meta meħtieġa f’każi ta’ abbuż.
Il-bidla, madankollu, ma ġġegħelx l-iżvelar tal-informazzjoni kollha relatata mal-abbuż tat-tfal, iżda biss l-iżvelar tagħha f’każijiet speċifiċi meta mitluba formalment minn awtorità leġittima. Bl-istess mod, il-liġi li tirrikjedi li l-allegazzjonijiet jiġu riferuti ‘l fuq fil-ġerarkija interna tal-Knisja ma twassalx għal riferiment lill-pulizija.
Hekk kif il-Knisja Kattolika issa qed tieħu ħsieb l-elezzjoni ta’ Papa ġdid, ħafna huma dawk li jemmnu li ftit li xejn hemm tama għal riforma akbar u aktar komprensiva minn dik li kien diġà wettaq il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku.