Wednesday, July 24, 2024

VITTMI TAD-DROGA BĦALA MEZZ BIEX NIĠĠIELDU L-VIZZJU

Aqra wkoll

L-esperjenza tgħallimna li min jibqa’ b’idejh fuq żaqqu ma jiġix ikkritikat għax m’hu jagħmel xejn. Minn naħa l-oħra, dawk li jgħażlu l-bidla, anke jekk b’kuraġġ u determinazzjoni, jafu li se jsibu min se jaqbel u oħrajn li se jikkritikaw. Iżda agħar minn hekk, hemm min, li quddiem deċiżjonijiet kruċjali, jinħakem mill-konfużjoni tal-viżjoni passiva tiegħu u saħansitra jxerred miżinformazzjoni f’tentattiv li jirbaħ punti politiċi anke f’suġġetti sensittivi. 

Illum tintemm il-konsultazzjoni pubblika b’rabta mar-riforma lejn ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga. Assistejna għal diskussjonijiet sħaħ li komplew joħorġu fil-beraħ id-distinzjoni netta bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, anke jekk l-aġir ta’ dawn tal-aħħar ftit li xejn inbidel. 

Ftit biss wara t-tnedija tal-konsultazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħareġ b’attakk dirett fuq il-gvern u qal li din ir-riforma se tkun qiegħda tinkoraġixxi t-traffikar ta’ droga. Għal darba oħra Grech għażel li jmur lejn is-soluzzjoni li ma jbiddel xejn tant li saħaq li r-riforma proposta kellha tiġi rtirata. 

Ftit jiem biss wara, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina waqt dibattitu mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ipprova jbenġilha u qal li għalkemm hemm proposti tajbin, il-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-ammonti proposti biex dawk li huma dipendenti fuq id-droga jikkwalifikaw għall-Qorti tad-droga. 

Minkejja dan, ripetutament, Grech għażel li jżomm it-tonn supperv u rrepeta li din ir-riforma għandha tiġi rtirata, issir diskussjoni mill-ġdid u jiġi fformulat mod ieħor ta’ kif dawk il-persuni spiċċaw vittmi minħabba d-dipendenza tagħhom fuq id-droga. Il-Kap Nazzjonalista saħansitra kellu l-ardir jgħid li l-gvern ma kkonsultax mal-esperti u mal-assoċjazzjonijiet u b’mod speċjali għażel li jsemmi l-Caritas. Iżda anke hawnhekk kien żbaljat.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, faħħar lill-Ministru responsabbli minn din ir-riforma u rringrazzjah li żar l-enitità, iltaqa’ u ddiskuta mal-persuni li ta’ kuljum jiltaqgħu ma’ dawn il-vittmi. Punt imqajjem minnu li ta min jirrifletti fuqu huwa ċertament li dawn il-persuni li jingħataw l-għajnuna  biex jirrijabilitaw, jistgħu jingħataw sentenza li jagħmlu ammont ta’ sigħat ta’ xogħol fil-komunità fejn fost l-oħrajn jistgħu jservu biex jedukaw permezz ta’ żjarat fl-iskejjel.

Minn naħa l-oħra l-Partit Laburista fil-gvern esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod ta’ kif irreaġixxa l-Partit Nazzjonalista, b’mod speċjali l-Kap tal-partit li għaġġel biex jitlob li l-proposta riforma tiġi rtirata.

Minkejja kull tentattiv ta’ miżinformazzjoni minn Grech li baqa’ jsostni li la bħala ġenitur u lanqas bħala politiku mhux jifhem l-għan ta’ din ir-riforma, il-Ministru Attard kompla jiltaqa’ mal-istakeholders prinċipali u saħansitra kkummenta dwar laqgħa pożittiva magħhom li kompliet tikkonferma kemm din ir-riforma tista’ verament isservi biex taġġorna mad-deċiżjoni tal-2015 li titwaqqaf il-Qorti tad-Droga. 

Sal-lum 278 persuna temmew b’suċċess il-pjan ta’ kura provdut mill-Bord u ħadu ħajjithom lura mill-ġdid, filwaqt li hemm 115 oħra li għaddejjin bil-pjan ta’ kura. Min-naħa l-oħra, il-Gvern qiegħed ikun ċar li minkejja li hawn min qiegħed jgħid mod ieħor, it-traffikar ta’ droga kien, għadu u se jibqa’ jitqies bħala reat assolut. 

F’dan is-sens, se jkun qiegħed jiżdied l-iskrutinju biex issir id-distinzjoni bejn dawk li jippruvaw jabbużaw minn din ir-riforma u dawk li huma verament vittmi li juru r-rieda li jibdlu ħajjithom.

Nemmnu li l-gvern għandu jagħmel evalwazzjoni xierqa ta’ dak li qalu l-istakeholders ewlenin imma anke taċ-ċittadini li resqu bis-sottomissjonijiet tagħhom u jixtarr dan kollu fid-dawl tal-għan wara din ir-riforma – li dawk li verament huma vittmi ma jibqgħux isibu l-bibien imsabbtin f’wiċċhom saħansitra wara li jkunu riabilitaw rwieħhom.

Nemmnu wkoll li l-impenn għandu jibqa’ wieħed solidali kontra kull traffikar ta’ droga. Din hija pjaga mhux ta’ Malta biss imma ta’ ħafna pajjiżi oħra li kulma jmur donna qed toffri sfidi ġodda lil dawk responsabbli biex jiġġilduha. 

Għalhekk jeħtieġ li l-messaġġ ikun wieħed ċar u b’saħħtu kontra kull min jipprova jifrex din it-tebgħa sewda li qiegħda tħalli saħansitra persuni mejtin qabel jaslu biex jingħataw ċans għar-riabilitazzjoni. 

Fuq kollox nemmnu li rridu naħdmu biex persuna li turi r-rieda li tirriabilita ruħha ma ssibx il-bibien magħluqin għax jekk aktar vittmi jsibu l-għajnuna, tkun is-soċjeta’ kollha kemm hi li tgadi l-aktar. 

Ekonomija

Sport