Thursday, October 23, 2025

Viva Malta

- Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Nistgħu nagħmlu dawk ir-riformi kollha li qegħdin nagħmlu u nkunu ta’ spalla għall-poplu tagħna, mhux biss għax inħobbu lill-poplu imma wkoll għax għandna ekonomija b’saħħitha u li tħalli l-flus.

Il-fatt li l-Gvern daħal forcina biex jerfa’ iż-żidiet fil-prezzijiet tal-fuel, iżid il-pensjonijiet, iżomm u iżid iktar servizzi mediċi u mediċini fuq il-kartuna s-safra u roża, iżid l-istipendju, jagħti transport b’xejn lil kulħadd, jagħmel dak kollu li jagħmel, dan jista’ jagħmlu għax għandu l-flus.

Dan jista’ jagħmlu għax ittieħdu deċiżjonijiet biex l-ekonomija ta’ Malta ġibdet l-investiment lejha u nħoloq ix-xogħol u tkattar il-ġid. Jekk l-investiment imur pajjiż ieħor, ix-xogħol jonqos u l-ġid jibda jewġa jonqos, mhux sejjer ikun possibbli li l-pajjiż jibqa’ sejjer bid-direzzjoni li sejjer fiha.

Aħna l-Laburisti qatt ma għamilna ħsara lil pajjiżna la f’Malta u lanqas barra minn Malta. Qatt ma morna nitolbu lil Kanċillier Ġermaniż jirtira l-investiment Ġermaniż minn Malta ħalli jinħoloq il-qgħad. Qatt ma tlabna lil nies fin-negozju jkeċċu ħaddiema u jgħaddu b’skeleton staff ħalli l-qgħad ikun kemm jista’ jkun għoli.

Aħna dejjem ħdimna biex ġibna l-investiment lejn pajjiżna u ħdimna u inkoraġġejna lil nies fin-negozju jinvestu u jimpjegaw kemm jista’ jkun ħaddiema magħhom ħalli l-ġid joħloq il-ġid. U nemmnu li mill-ġid jgawdi minnu kulħadd.

U anki ċerti Nazzjonalisti ma jridux li ssir ħsara lil Malta barra minn xtutna. Ma niġborx lil kulħadd f’keffa waħda. Meta tlajt membru parlamentari jistednuk biex tagħmel żjara fil-Parlament Ewropew, magħna mad-deputati ġodda kien hemm ukoll deputati oħrajn li kienu ilhom fil-parlament.

Wieħed minn dawn id-deputati li kien ilu fil-parlament Malti u li għadu hemm sal-lum kif wasalna Brussell qalli: “Decelis, issa d-differenzi li hemm bejnietna nħalluhom Malta, hawn niġbdu ħabel wieħed. Oqgħod attent li bil-kliem tiegħek ma tagħmilx reputazzjoni ħażina lil pajjiżna u dak li ma naqblux fuqu f’pajjiżna ma għandniex inġorruh hawn.”

Jiġifieri hemm deputati li kienu fil-parlament fil-leġiżlatura 2008 u li għadhom fil-parlament illum li jifhmu li ma għandniex nippruvaw nitfgħu fid-dawl ikrah lil Malta u lil pajjiżna.

Riċerka

Nkompli biex bla ebda riżerva nikundanna l-użu tal-vjolenza u l-qtil bħala għodda li taħseb li biha sejjer issolvi xi ħaġa. Dejjem emmint bħala Malta gżira non-allinjata li tkun post fejn kulħadd jista’ jiġi hawn u jiddiskuti bil-libertà kollha madwar mejda d-differenzi li jkollu u jipprova u jagħmel ħiltu kollha biex jasal għal konklużjoni paċifika, mingħajr użu ta’ vjolenza jew armi.

Għalhekk qatt ma kelli problema u mhux sejjer ikolli issa li nerġa’ nikkundanna kull qtil ta’ kull persuna kemm waqt il-qadi ta’ dmirijietu kif ukoll minħabba l-qadi ta’ dmirijietu. Kif ukoll nikkundanna l-qtil ta’ xi ħadd innoċenti li jiġri dan wara li l-intenzjoni tkun li jinqatel xi ħadd ieħor u bil-konsegwenza ta’ dan jinqatel xi ħadd ieħor innoċenti. L-użu ta’ vjolenza u metodi ta’ qtil huma ikkundannabbli.

Kienu xokkijiet kbar għalija meta fi tfuliti inqatlet Karen Grech bit-tra bomba indirizzata lil missierha; fiż-żgħożiti l-qtil ta’ Raymond Caruana li innoċentement intlaqat bit-tir ta’ arma; u l-qtil tas-sinjura Caruana Galizia bil-bomba li saretilha ġewwa l-karozza tagħha. Tlett episodji minn ħajti li saħħewli iktar il-fehma li l-vjolenza hija kkundannabbli u rridu naħdmu biex ħadd qatt jekk jista’ jkun ma jaħseb f’dawn is-soluzzjonijiet għall-problemi li jkollu.

Fil-Ewropa

Kien hemm dibattitu bejn il-Membru Parlamentari Laburista Dr Ramona Attard u deputat Nazzjonalista; tqajmet f’dan il-programm il-kontroversja kontra pajjiżna li sejjer jiġi mtella’ fil-Parlament Ewropew mid-deputat ewroparlamentari sieħbu s-Sur Casa. Aħna ma nibżgħux nidibattu u għandna biex niftaħru bix-xogħol kbir li għamilna biex biddilna għal aħjar lil pajjiżna.

Imma l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista hija kbira u dejjem jieħu l-ewwel biex jipprova jagħmel reputazzjoni ħażina lil pajjiżna, bi skop prinċipali li jekk ikun hemm xi ħadd ġej jinvesti f’Malta dan ma jiġix.

Qalulna li ma nifhmux biżżejjed x’inhi l-Unjoni Ewropea, forsi ma nifhmux biżżejjed kif isiru l-affarijiet fl-Unjoni Ewropea, x’tippreżenta u x’inhu d-dover tal-membri parlamentari Ewropej fil-Parlament Ewropew, qalulna. Nistaqsi mela u nara x’tweġibiet sejrin jagħtuni.

Liema Membru Parlamentari Ewropew talab li jsir dibattitu dwar is-saltna tad-dritt ġewwa pajjiżu fil-Parlament Ewropew wara li ġew maqtula, assassinati u saru atti vjolenti li permezz tagħhom ġurnalisti sfaw vittma ta’ dawn iċ-ċirkostanzi?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport