Wednesday, November 27, 2024

Viżjoni fit-tul għall-iżvilupp tal-futsal f’pajjiżna

Aqra wkoll

L-Iżvilupp tal-Futsal huwa fundamentali fit-triq ‘il quddiem li l-MFA qed timmira li tibda għall-iżvilupp u l-applikazzjoni tal- isport.

Dan kollu ġie spjegat mill-viċi-president tal-MFA li qed jissorvelja l-affarijiet relatati tal-Futsal, Matthew Paris (ritratt), u l-Kap tal-Futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni, Mark Marlow, waqt konferenza stampa li saret fis-sala tas-Centenary Stadium.

L-Avukat Paris enfasizza l-fatt li s-soluzzjonijiet ta’ malajr huma essenzjali wkoll: “Aħna lkoll ispirati meta t-timijiet nazzjonali tagħna jiksbu riżultati pożittivi mhux inqas fil-futsal. Madankollu dawn huma ta’ ħajja qasira, aħna qegħdin hawn biex inwaqqfu wirt tant meħtieġ għall-fondazzjoni tal-futsal li hu ta’ benefiċċju għall-isport  għal ħafna snin li ġejjin.”

 “Dan kollu huwa parti mill-istrateġija tagħna tal-2027 fejn il-futsal huwa pilastru siewi fil-proġetti tagħna li jibdew mis-settur tal-grassroots sal-livell tat-team nazzjonali.”

 L-MoU ffirmat mal-Futsal Malta Association biex jibda l-iżvilupp tal-kampjonati domestiċi huwa wkoll pass fid-direzzjoni t-tajba u bħala parti mill-qafas regolatorju mif­tiehem bejn iż-żewġ entitajiet mal-FMA fdata bl-operat tal-match day u l-azzjoni domestika f’dak li qed jirriżulta bħala staġun ferm eċċitanti.

L-Avukat Paris elenka wkoll għadd ta’     oq­sma notevoli li jindikaw il-progress li għadda minnu l-futsal f’dawn l-aħħar xhur, bl-intoppi kollha minħabba l-pandemija.

Dan jinkludi l-investiment qawwi fl-iżvilupp tal-futsal f’dak li għandu x’jaqsam mal-grassroots u l-ftehim ta’ sħubija li se jiġi ffirmat dalwaqt għall-introduzzjoni ta’ Akkademja tal-Futsal, minbarra wkoll aktar investiment meta jiġu ingaġġati nies kwalifikati ħafna fl-istaff tekniku tat-team nazzjonali.

Il-kap tal-futsal fi ħdan l-MFA, Mark Marlow, ta ħarsa ġenerali dettaljata fejn jidħol l-iżvilupp tal-futsal u dak li qed isir fil-livelli taż-żgħażagħ u grassroots bil-għan li jħalli l-frott ’il quddiem għat-timijiet naz­zjonali tagħna fuq livell internazzjonali.

“Huwa l-għan tagħna li mmorru lil hinn minn dak li diġà ksibna bl-ewwel punt f’logħba tar-round ta’ kwalifikazzjoni, fi draw ta’ 1-1 kontra l-Greċja fil-UEFA Futsal EURO 2022, f’Jannar tas-sena l-oħra.

“Dan huwa wkoll l-għan tal-coach tat-team nazzjonali tagħna, Zeljko Anicic, li jkompli jtejjeb u jilħaq l-ogħla livelli kontra oppożizzjoni aktar b’saħħitha fuq li­vell internazzjonali,” insista Marlow.

 Huwa elenka wkoll l-impenji kollha tat-team nazzjonali fis-sena l-ġdida li twassal għall-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futsal tal-FIFA 2024, b’partiti tar-round preliminari għal Malta skedati li jintlagħbu bejn l-4 u t-13 ta’ April 2022.

Wara li l-bieraħ stess ittellgħu l-poloz, il-grupp ta’ Malta se jkun jikkonsisti fin-Norveġja (it-team ospitu), Danimark u Ċipru.

Qabel dan it-tournament, Marlow ħabbar li t-team nazzjonali tal-Futsal se jkun qed jilgħab diversi logħbiet ta’ ħbiberija barra minn darna kontra l-Ungerija fil-bidu ta’ Frar  u wara li jilqa’ lil Ċipru għal żewġ konfronti ta’ ħbiberija fit-tieni ġimgħa ta’ Marzu.

Marlow aċċenna wkoll għall-iskwadra ta’ Taħt it-23 sena bl-għażla ta’ players mill -kampjonat tal-FMA li  jistgħu jkunu parti mit-team nazzjonali, kif ukoll l-iżvilupp tat-team nazzjonali taż-żgħażagħ ta’ Taħt id-19-il sena li qed jiġi dejjem raffinat bi rwol ewlieni li jnissel esperjenza f’dan il-li­vell u b’hekk il-players ikunu ppreparati taj­jeb meta jiġu biex jirrappreżentaw lil Malta f’livell għoli.

 Hemm ukoll l-U16 Futsal League li jinsab fit-tieni sena tiegħu u diġà qed jaħsad il-benefiċċji b’aktar tfal impenjati u żieda sinjifikanti fil-parteċipazzjoni tal-clubs meta mqabbla mal-ewwel staġun tiegħu s-sena l-oħra.

Il-kap tal-futsal irrefera wkoll għall-Akkademja tal-Futsal: “Din hija fundamentali fil-viżjoni, fil-miri, fix-xewqa u fil-pjan fit-tul tagħna. Din l-Akkademja tal-Futsal skedata li tibda x-xahar id-dieħel se tkun qed tattira tfal li twieldu fl-2007 u l-2009 biex jibdew il-futsal f’età żgħira billi jipparteċipaw f’sessjoni ta’ kull ġimgħa sa Mejju b’sessjonijiet immexxija minn coaches kwalifikati u ta’ esperjenza.”

Fl-aħħarnett saret referenza wkoll għall- Korsijiet tal-Futsal għall-Coaches bħala parti mill-istrateġija li d-dipartiment tal-futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni qed imexxi ‘l quddiem.

Dan se jopera b’mod sinkronizzat maċ- Ċentru Tekniku b’kors ta’ introduzzjoni annwali li jiżgura li l-clubs jimpjegaw coaches kwalifikati u liċenzjati fil-bidunett ta’ din il-piramida tal-korsijiet li l-assoċjazzjoni se tkun qed tidħol għaliha għall-benefiċċju fit-tul tal-futsal f’Malta u l-wirt li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet attwali fi ħdan l-Assoċjazzjoni huma solvuti fit-twettiq tal-mandat tagħhom.

Sport