Sunday, December 22, 2024

VIŻJONI GĦAL-LUM U L-FUTUR JEW BAĦĦ U DUĦĦAN?

Aqra wkoll

Kull min nhar it-Tnejn u t-Tlieta li għadda assista għad-diskorsi tal-partiti seta’ jinnota d-differenza netta bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa vera li l-paraguni huma odjużi però ma nistgħux ma nagħmlux paragun bejn dak li qal il-Prim Ministru u dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Fuq naħa hemm il-viżjoni għal-lum u għall-futur u fuq in-naħa l-oħra duħħan u baħħ. 

L-għan ewlieni ta’ kull Gvern soċjalista huwa t-tkabbir u t-tisħiħ tal-istat soċjali fejn jiġu mwieżna l-aktar dawk li għandhom bżonn. Dan ukoll huwa konfermat anke bit-titlu tal-Budget – Malta Ġusta. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega b’mod dettaljat waħda waħda l-miżuri soċjali kollha li huma elenkati fil-Budget 2024. Dan għandu għax iserraħ ras il-Maltin għall-ġejjieni tagħhom. Barra minn hekk huwa kien ċar li l-implimentazzjoni tal-istess budget bdiet mill-għada li ġie preżentat. 

Nemmnu li kien floku ħafna l-kliem tal-Prim Ministru li fil-bidu nett tad-diskors tiegħu qal li mhuwiex se jagħmel xi sagħtejn jitkellem dwar pjan ekonomiku ta’ eċċellenza u meta tagħsar id-diskors ma jkun fih l-ebda sustanza. 

Għalkemm Dr Grech bilkemm stenna lill-Prim Ministru jispiċċa d-diskors tiegħu biex jattakka lill-gvern minħabba l-qtugħ tad-dawl ftit tax-xhur ilu, xejn ma kellu xi jgħid rigward dak li sar fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista quddiem sfidi internazzjonali fejn jidħlu l-kontijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li dan kien budget ieħor mingħajr soluzzjonijiet filwaqt li Dr Abela spjega b’mod li jinftiehem minn kulħadd li lanqas biss għandu jitressaq id-dubju ta’ x’jiġri jekk il-gvern iwaqqaf l-għajnuniet tiegħu għax dik hija xi ħaġa li tista’ tinkwieta lin-nies biss jekk ikun hawn bidla fit-tmexxija.

Minflok Dr Abela ffoka fuq l-għajnuna ta’ €1 miljun kuljum biex il-gvern jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u fuq il-pjan biex jitlesta t-tieni interconnector u sistemi ta’ enerġija rinovabbli offshore li se jkunu qegħdin jgħinu lill-gvern biex inaqqas gradwalment din l-għajnuna.

Ma nistgħux ma nilqgħux l-aħbar li kumpanija multinazzjonali se tkun qiegħda tinvesti €74 miljun biex se tkun qiegħda toħloq 180 karriera speċjalizzata. Hawnhekk ta’ min ifaħħar id-deċiżjoni tal-gvern li għażel li ma jaqax għall-pressjoni kontinwa tal-Oppożizzjoni biex pajjiżna jmur għal lock down totali għax il-Prim Ministru tkellem ċar li kieku ttieħdet dik id-deċiżjoni din il-kumpanija mhux talli ma kinitx tħabbar investiment t’estenzjoni iżda kienet saħansitra qiegħda tikkunsidra tagħlaq l-operat f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru kien konvinċenti wkoll fejn tidħol il-kwistjoni tal-konċessjoni tal-Isptarijiet u ma baqax lura milli jqabbel l-attakk tal-Partit Nazzjonalista ma’ dak li kien sar meta l-gvern kellu jiddeċiedi fl-aħjar interess nazzjonali fejn tidħol l-Air Malta. Nemmnu fil-qawwa tal-istituzzjonijiet kollha lokali u dawk barranin u għalhekk nemmnu li jekk kien hemm nuqqas, l-arbitraġġ f’Pariġi se jkun qiegħed jasal għall-konklużjoni li Steward irodd lura sal-aħħar ċenteżmu li huwa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Iżda l-apiċe ta’ kollox kienet il-messaġġ aħħari tal-Prim Ministru li għalaq biex jisħaq dak li beda bih li dan huwa budget maħdum man-nies għan-nies u li l-gvern għandu tim mimli enerġija biex jara li jkollna kemm jista’ jkun soċjetà Ġusta fejn ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

Min-naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni ftit li xejn biddel it-ton u l-argumenti tiegħu hekk kif wara jumejn ta’ botti u risposti, Dr Grech qal li d-diskors tal-Prim Ministru kien mimli tgħajjir sakemm ftit sentenzi wara kompla biex jattakka lill-Prim Ministru.

Dr Grech tfixkel meta kien qiegħed jitkellem dwar id-dejn tal-pajjiż u sab ruħu f’diffikultà biex iwieġeb għall-mistoqsija ta’ wieħed mill-ġurnalisti rigward ir-rata ta’ kemm Malta tirreġistra żieda fil-popolazzjoni meta kkumparata mal-bqija tal-pajjiżi.

Fuq kollox nemmnu li fejn jidħlu l-ħaddiema barranin, il-Prim Ministru kien ċar meta qal li se jibqa’ iebes sakemm dawn jidħlu f’pajjiżna, iżda ladarba dawn jidħlu jeħtieġ li jkun żgurat li jkunu trattati b’dinjità għax kull ħaddiem huwa uman u jixraqlu trattament dinjituż. 

Nemmnu għalhekk li meta tikkumpara ż-żewġ diskorsi, huwa evidenti li filwaqt li l-Prim Ministru qiegħed jieħu pożizzjoni li jissikka xi ftit iċ-ċintorin anke jekk mhix l-iktar għażla li tista’ tingħoġob, il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jagħżel li jisforza billi jipprova jkompli jħaddan politika popolista. Dan jikkonferma kemm minkejja l-ikbar tkaxkiriet elettorali, il-Partit Nazzjonalista għadu mhuwiex jifhem li l-poplu ilu snin li warrab dik il-politika u jħares lejn viżjoni progressiva li tista’ verament ittejjiblu l-kwalità tal-ħajja.

Ekonomija

Sport