Wednesday, June 18, 2025

VIŻJONI MALTA 2050 BI PRIJORITAJIET KRUĊJALI

Aqra wkoll

Il-viżjoni tal-Gvern għall-25 sena li ġejjin qed tkompli tiġbed lejha kummenti pożittivi tant li issa anke l-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono tkellmet b’mod tajjeb dwar din il-viżjoni meta laqgħet delegazzjoni tal-Gvern li ppreżentatilha d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050. 

Din il-viżjoni tippreżenta direzzjoni strateġika għal pajjiżna sas-sena 2050, b’miri li għandhom jintlaħqu wkoll sa għaxar snin oħra. Skont id-dokument, din il-viżjoni nazzjonali hi bbażata fuq erba’ pilastri ewlenin: tkabbir ekonomiku sostenibbli, servizzi aċċessibbli li jqiegħdu liċ-ċittadin fiċ-ċentru, pajjiż reżiljenti b’sistema ta’ edukazzjoni moderna u użu intelliġenti tal-art u l-baħar.

Huwa ċar li din il-viżjoni qed tħgaqqad flimkien l-ekonomija, l-edukazzjoni, l-ambjent u fuq kollox il-benesseri taċ-ċittadini. Huwa fatt ukoll li din il-viżjoni hija instigata mir-realtà fit-tibdil kontinwu li qed iseħħ fil-ħajja tan-nies. Dan huwa rifless ukoll fil-fatt li qabel ebda Gvern ma ħareġ dokument li jimmira għal 25 sena oħra. 

Huwa notevoli li l-President ta’ Malta filwaqt li laqgħet dan l-eżerċizzju b’mod pożittiv, irrimarkat dwar il-mod li bih qed ikun propost li tiġi mkejla l-kwalità tal-ħajja u enfasizzat l-importanza li jitrawwem ħsieb kritiku fost il-ġenerazzjonijiet li qed jikbru. Wieħed ma jridx jinsa li minħabba ċ-ċokon fiżiku ta’ pajjiżna u l-iskarsezzi tar-riżorsi naturali madankollu l-poplu Malti dejjem wera reżiljenza u kif qalet il-President Spiteri Debono din għandha tibqa’ tkun il-bażi għal futur sostenibbli b’importanza tingħata lill-innovazzjoni u l-kreattività. Għalhekk l-edukazzjoni hija pilastru kruċjali biex pajjiżna jasal jilħaq il-miri tiegħu fis-snin li ġejjin. 

Huwa notevoli wkoll li l-gżira Għawdxija ma tħallietx barra minn din il-viżjoni. Tant li fl-aħħar jiem ġew inawgurati uffiċjalment l-avvenimenti “Gozo 2050 – A Journey Through Time”. Din l-esperjenza mhux se tkun sempliċiment wirja imma stedina miftuħa għal kull min iħobb lil Għawdex biex jipparteċipa b’mod attiv fit-tiswir tal-futur tal-gżira tat-tliet għoljiet. 

Aħna ningħaqdu ma’ kull inizjattiva li ssir sabiex tinkoraġġixxi aktar lill-pubbliku jipparteċipa u jikkontribwixxi bil-fehmiet tiegħu għat-twettiq konkret tal-Viżjoni Malta 2050.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport