Waqt it-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li “llum ġejt nitkellem dwar kuntratt li bħala pajjiż qed nagħmlu lkoll flimkien għall-futur ta’ wliedna. Għax il-futur mhux xi ħaġa li tiġri b’mod awtomatiku. Il-futur huwa għażla u llum bħala pajjiż magħqud ilkoll flimkien qed nagħżlu. Qed nagħżlu li nħarsu ’l quddiem. Qed inħarsu sal-2050.”
“Dawn l-aħħar snin Malta għamlet qabża kbira. Illum il-ġid ras għal ras ninsabu 10% aktar mill-medja Ewropea. Din hi xi ħaġa pożittiva ħafna. L-impjiegi żdiedu, il-qgħad sparixxejnieh, setturi ġodda kibru u żdiedu u anke l-opportunitajiet. Viżjoni Malta 2050 mhix biss dwar tkabbir. Hi dwar tkabbir ta’ kwalità,” tenna l-Ministru Schembri.
Huwa żied jenfasizza li dak li sar s’issa kien meħtieġ għax issa qegħdin f’pożizzjoni b’saħħitha biżżejjed biex niffokaw fuq ekonomija mmexxija fuq il-valur u l-kwalità. “Malta fl-2050 tibda bl-għażliet tal-lum. L-aqwa mument biex nibdew huwa issa.”

