Friday, November 15, 2024

VIZZJU LI JEĦTIEĠ ILLI NEGĦLBUH

Aqra wkoll

Vizzju ikrah li forsi nbatu bih aħna l-Maltin huwa dak li naqgħu fil-konklużjoni qabel ma nkunu nafu l-fatti eżatti. Anke jekk stess, persuna li tkun rat b’għajnejha xi każ ta’ inċidenza partikolari, il-kelma sfortunatament tiġri u timbaram fi ftit ħin. Ħafna drabi dan iwassal għal iktar taħwid tal-imħuħ tan-nies.

Għaliex qegħdin ngħidu dan? Dan qegħdin ngħiduh speċjalment dwar l-inċident li seħħ fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu li fih mara Torka ttajret minn karozza waqt li kienet miexja fit-triq. Hija sfortunatament mietet ftit tal-ħin wara li ttieħdet lejn l-Isptar Mater Dei.

Ħafna minn dawk li waslu ftit wara fuq il-post, bl-għerf kollu tagħhom ikkonkludew li dan kien każ ieħor ta’ femiċidju sempliċiment għax fih kienet involuta mara u inzerta li s-sewwieq kien raġel. Dan ma ngħiduhx bla ma nqisu kliemna.

Saħansitra hija sitwazzjoni pjuttost ironika li jkollok rappreżentant tal-Pulizija li qiegħed jipprova jagħmel xogħlu f’dawk iċ-ċirkostanzi, b’ilħna minn warajh imeruh f’ħidmietu u baqgħu jinsistu li dan kien każ ieħor ta’ femiċidju. Minħabba l-irwol tiegħu, dan ir-rappreżentant tal-pulizija li kien qiegħed isegwi mill-qrib x’kien qiegħed jiġri, anke minn analiżi ta’ CCTVs li l-Pulizija ġabret sa ftit wara l-inċident, huwa kellu jżomm il-pożizzjoni tiegħu minħabba d-delikatezza tal-każ.

B’femiċidju aħna nifhmu qtil premeditat, jiġifieri li min iwettqu kien intenzjonat li jagħmel dan u anke konxju tal-aġir tiegħu. Dan iwassalna biex nifhmu illi kulma bdew jgħidu li sostnew li dan kien femiċidju, is-sewwieq għamel dak li għamel apposta. Għalhekk nifhmu li wieħed irid joqgħod attent qabel jagħmel ċertu stqarrijiet mingħajr ma jkun infurmat eżatt dwar il-fatti.

Bl-ebda mod m’aħna qegħdin niġġustifikaw l-aġir ta’ dan is-sewwieq u lanqas m’aħna ngħidu li dan kien jew ma kienx femiċidju, imma nemmnu li f’każi bħal dan, il-pulizija għandhom jitħallew jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom li jwasslu biex jiksbu l-istampa kollha b’rabta mal-każ. Nemmnu li ġudizzju m’għandux ikun mibni fuq opinjoni sempliċi.

Fuq binarju ieħor insostnu li għandha tiżdied is-sigurtà fit-toroq skont kif imsemmi għal iktar minn darba fl-aħħar diskorsi kemm mill-gvern kif ukoll mill-awtoritajiet responsabbli li qegħdin hemm biex jiggarantixxu li kemm jista’ jkun ma jsirux inċidenti bħal dawn.

Ħaġa oħra li tinkwetana hija l-kwistjoni ta’ kif il-poplu inġenerali għażel li jikklassifika kemm lis-sewwieq kif ukoll lill-vittma. Li jibdew minnufih l-ispekulazzjonijiet jekk dawn humiex Maltin jew barranin. Nisħqu li l-mewt hija dejjem telfa għal persuna jew persuni li jkunu u jibqgħu jistennew lil dawn il-vittmi li jibqgħu qatt ma jirritornaw magħhom, irrispettivament jekk humiex Maltin jew barranin.

Ekonomija

Sport