Thursday, February 27, 2025

Vjal Kulħadd – Opportunità Ta’ Bidla Nazzjonali fil-Mentalità Dwar il-Mobilità

Aqra wkoll

Jista’ pajjiż bħal Malta, daqshekk dipendenti fuq il-karozzi, jaddotta spazji aktar miftuħa u jsib bilanċ bejn l-aċċessibilità, l-interess tan-negozji u l-konnettività urbana? Il-Perit Antoine Zammit minn STUDJURBAN, li qed jaħdem mill-qrib ma’ Infrastructure Malta fuq il-proġett Vjal Kulħadd, jemmen li dan huwa possibbli. “Vjal Kulħadd hija inizjattiva kuraġġuża li se tikkontesta l-istatus quo billi tagħti prijorità lin-nies qabel il-vetturi, u twettaq trasformazzjoni sinifikanti tal-ispazji pubbliċi biex ittejjeb il-ħajja urbana f’Malta,” jgħid il-perit Zammit.

Ħafna jistgħu jaħsbu li Vjal Kulħadd huwa sempliċiment tentattiv ieħor biex it-toroq isiru pedonali, iżda l-perit Antoine Zammit jemmen li dan il-proġett huwa wieħed avvanzat li jħares fit-tul u fejn l-ispazji urbani qed jiġu kkunsidrati mill-ġdid fuq livell lokali biex jinħolqu ambjent aktar sigur u inklussiv li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

“Nemmen li l-ispirtu ta’ dan il-proġett jinsab proprju f’ismu – Vjal Kulħadd – toroq li jkunu ta’ kulħadd. Dan il-proġett huwa opportunità biex il-lokalitajiet jirkupraw it-toroq bħala spazji pubbliċi fejn in-nies titħajjar iżjed tiltaqa’ b’mod soċjali, fejn tiżdied l-attività ekonomika u jkollna iżjed sostenibbiltà ambjentali,” spjega l-perit Zammit. 
“Inħoss ukoll li Vjal Kulħadd se jġib bidla fundamentali fil-mod kif infasslu u nesperjenzaw l-ambjent urban ġewwa l-lokalitajiet tagħna.”

Proġett imfassal fuq tlett prinċipji 

STUDJURBAN ħadem mill-qrib ma’ Infrastructure Malta kemm fuq livell strateġiku kif ukoll tekniku biex jiżgura li l-viżjoni tad-disinn urban tal-proġett tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru. Minn tfassil tal-qafas ġenerali tal-inizjattiva sa soluzzjonijiet ta’ disinn urban adattati għal kull lokalità, l-approċċ kien wieħed integrat u studjat.

“Dan il-proġett huwa mmexxi minn tliet prinċipji ewlenin jfittex li jinħolqu spazji li jtejjbu l-għajxien u l-konnettività: Disinn fejn in-nies tkun fil-qofol, sostenibbiltà u reżiljenza, kif ukoll placemaking u riġenerazzjoni urbana.”

“Dan ifisser li filwaqt li qed immexxu l-attenzjoni mill-karozzi għall-mixi, għaċ-ċiklisti u għall-użu tat-trasport pubbliku, qed nintegraw ukoll infrastruttura ekoloġika biex innaqqsu l-emissjonijiet u ntejbu l-kwalità tal-arja.

Dan għandu jgħin biex jinħolqu spazji pubbliċi ta’ kwalità għolja li jsaħħu s-sens ta’ komunità, jinkoraġġixxu n-negozji lokali u jappoġġjaw stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom,” spjega Dr Zammit.

Perit Zammit żied jgħid li Vjal Kulħadd mhux sempliċiment titjib infrastrutturali, iżda eżerċizzju konkret ta’ disinn urban li jinkludi ppjanar spazjali, titjib tal-ispazji pubbliċi, u strateġiji sostenibbli ta’ mobilità biex il-lokalitajiet jibdew jaraw trasformazzjoni vera tal-ispazji tagħhom.

“L-għażla tal-proġetti kienet ibbażata fuq potenzjal urban, konnettività u impatt soċjali. Għalhekk, ġew prijoritizzati dawk il-lokalitajiet li għandhom attivitajiet pedonali eżistenti, opportunitajiet sabiex ikun hemm qawmien taċ-ċentri urbani, u t-tfa’ toroq b’mod li jħeġġu lin-nies timxi iżjed.”
 
L-Aċċessibilità: Element Kruċjali 

Rigward l-aċċessibilità, il-perit Zammit saħaq li Vjal Kulħadd tfassal biex itejjeb il-mobilità u mhux biex itellifha.

“L-aċċessibilità hija prijorità ewlenija f’dan il-proġett għax il-kunċett ta’ spazji pedonali m’għandux ikun għad-detriment tal-inklussività. Għalhekk, il-proġett jiżgura li l-ispazji pubbliċi jkunu miftuħa għal kulħadd, inkluż l-anzjani u dawk b’diffikultajiet fil-mobilità,” qal Antoine Zammit.

Dan se jinkludi aċċess mingħajr taraġ, art lixxa, disinn ta’ bankijiet tajbin għall-mistrieħ, kif ukoll żoni bid-dell għall-kumdità tal-pubbliku. Barra minn hekk, il-proġett jinkludi titjib fit-trasport pubbliku, żoni fejn jinżlu u jirkbu l-passiġġieri u soluzzjonijiet ta’ mobilità last mile biex titjieb l-aċċessibilità u l-ispazji urbani isiru iżjed siguri u fejn kulħadd iħossu milqugħ.

Il-Perit Zammit semma kif spiss, proġetti pedonali huma kkritikati minħabba konġestjoni jew tħassib min-negozji. Iżda huwa jemmen li l-kunċett wara Vjal Kulħadd huwa wieħed tajjeb.

“Għall-bidu, kull bidla hija ftit diffiċli, speċjalment għal ċerti negozji li jibżgħu li se jitilfu l-klijenti. Madankollu, l-esperjenza turina, anki dik internazzjonali, li meta dawn iż-żoni pedonali jitfasslu sew, dawn jiġġeneraw iżjed attività ekonomika għaliex iżjed nies jitħajjru jżuruhom u jqattgħu ħin fihom.

“L-involviment tan-negozji huwa kruċjali, u huwa għalhekk li l-proġett qed ikun implimentat f’fażijiet biex b’hekk, inkunu fiċ-ċans li nbiddlu fejn ikun hemm bżonn. L-aċċessibilità tibqa’ prijorità u se jidaħħlu soluzzjonijiet effettivi ta’ wayfinding biex jin-negozji jħossuhom iżjed appoġġjati.”

Fl-aħħar, Dr Zammit jisħaq li l-isfida ewlenija tinsab fis-sostenibbiltà fit-tul.

“Proġetti pedonali mill-passat sofrew minħabba nuqqas ta’ infurzar jew nuqqas ta’ impenn fit-tul. Għalhekk, Vjal Kulħadd jiddependi fuq impenn istituzzjonali b’saħħtu, infurzar efvettiv u involviment kontinwu mill-komunità.”

“Dan mhuwiex esperiment ta’ żmien qasir, iżda mudell li jista’ jiġi replikat f’lokalitajiet oħra.”

Dr Zammit temm billi saħaq fuq bidliet simili li seħħew f’ibliet Ewropej oħra.

“Malta ilha ħafna dipendenti fuq il-karozzi, iżda kull majmur, iżjed qed jinħass il-bżonn li jkollna iżjed spazji urbani li jistgħu jitgawdew minn kulħadd. Pajjiżi oħra wkoll iltaqgħu ma’ din ir-reżistenza, iżda xorta rnexxielhom ibiddlu l-bliet tagħhom.”

“Il-qofol ta’ kollox jiddependi fuq li jirnexxielna nwasslu bidliet li verament jinħassu minn kulħadd – fejn in-nies tibda’ tapprezza l-ispazji miftuħa u n-negozji jibdew jaraw iż-żieda fl-attività kummerċjali. Ikun hawn li l-poplu jinduna bil-bidla għall-aħjar, u jaċċettaha.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport