Monday, February 23, 2026

Vjolenza fil-Messiku wara l-qtil tal-baruni tad-droga El Mencho

Aqra wkoll

Mewġa ta’ vjolenza faqqgħet fil-Messiku wara li l-aktar baruni tad-droga mfittex fil-pajjiż inqatel f’operazzjoni militari li oriġinarjament kienet ippjanata li twassal għall-arrest tiegħu. Nemesio Oseguera Cervantes, magħruf bħala “El Mencho”, kien il-mexxej tal-kartell tad-droga Jalisco New Generation (CJNG) li miet wara li ndarab serjament fi ġlied bejn il-partitarji tiegħu u l-armata Messikana nhar il-Ħadd.

Erba’ membri tas-CJNG inqatlu wkoll filwaqt li tliet membri tal-armata ndarbu waqt l-operazzjoni fil-belt ta’ Tapalpa, fl-istat ta’ Jalisco fiċ-ċentru tal-punent,  skont ma qal il-ministeru tad-difiża Messikan.

Ir-ritaljazzjoni għall-mewt tal-baruni tad-droga El Mencho ssarrfet fi vjolenza mifruxa f’diversi stati, bis-CJNG timblokka t-toroq b’vetturi li ngħataw in-nar. Matul il-jum tal-Ħadd kien hemm rapporti ta’ rġiel armati fit-toroq ta’ Jalisco u bnadi oħra.

Filmati fuq il-post urew sħab ta’ duħħan jogħlew fuq diversi bliet inkluż Guadalajara, waħda mill-bliet li se tospita l-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol tal-FIFA.

Madwar 250 imblokk fit-toroq kienu fis-seħħ madwar il-pajjiż matul l-inkwiet, b’65 f’Jalisco biss. Fl-aħħar aġġornament tiegħu, il-kabinett tas-sigurtà Messikan qal li erba’ imblokki baqgħu attivi f’Jalisco. 

Il-kabinett qal li 25 persuna ġew arrestati, 11 għall-parteċipazzjoni allegata tagħhom f’atti vjolenti u 14 oħra għal serq allegat. Ħwienet ingħataw in-nar u madwar 20 fergħa tal-banek ġew attakkati fil-vjolenza.

Il-President tal-Messiku Claudia Sheinbaum qalet li kien hemm “koordinazzjoni assoluta” bejn uffiċjali statali u federali b’reazzjoni għall-vjolenza, filwaqt li ħeġġet lin-nies biex jibqgħu “kalmi u infurmati”.

Diversi linji tal-ajru kkanċellaw it-titjiriet lejn Jalisco, inklużi Air Canada, United Airlines u American Airlines.

L-Istati Uniti, li kienu pprovdew lill-Messiku b’intelliġenza li għenet fl-operazzjoni biex jaqbad El Mencho. wissiet liċ-ċittadini tagħha f’ħames stati, Jalisco, Tamaulipas, żoni ta’ Michoacán, Guerrero u Nuevo Leon biex jibqgħu ġewwa.

El Mencho, eks uffiċjal tal-pulizija ta’ 59 sena, kien imexxi organizzazzjoni kriminali vasta u tal-biża’ responsabbli għat-traffikar ta’ kwantitajiet enormi ta’ kokaina, metamfetamina u fentanyl fl-Istati Uniti.

Id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti saħansitra kien offra premju ta’ $15-il miljun għal min jagħti informazzjoni li twassal għall-qbid tiegħu.

Mike Vigil, eks kap tal-operazzjonijiet internazzjonali għall-Amministrazzjoni tal-Infurzar tad-Droga tal-Istati Uniti, iddeskriva l-operazzjoni bħala “waħda mill-aktar azzjonijiet sinifikanti mwettqa fl-istorja tat-traffikar tad-droga” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport