Tuesday, December 24, 2024

Vjolenza u qtil tal-‘gangs’ fl-Iżvezja

Aqra wkoll

L-Iżvezja, pajjiż normalment trankwill bi stat soċjali qawwi ħafna, jinsab għadddej minn kriżi ta’ qtil tal-massa li ma jafx kif se jsolviha. Fil-fatt, il-Prim Ministru tal-pajjiż sejjaħ lill-kap tal-forzi armati biex jgħin titrażżan iż-żieda qawwija fil-qtil tal-gangs.

Dawn it-tnejn, flimkien mal-kap tal-pulizija tal-pajjiż se jiltaqgħu nhar il-Ġmgħa biex jiddiskutu x’irwol jista’ jkollu l-militar għas-soluzzjoni ta’ sitwazzjoni gravi bħal din.

Il-laqgħa li se jkollu l-Prim Ministru Ulf Kristersson mal-kapijiet tal-forzi tas-sigurta’ tal-pajjiż issejħet wara 12-il siegħa mdemmija b’żewġt irġiel jiġu maqtula b’tiri fi Stokkolma u mara ta’ 25 sena maqtula fi splużjoni f’darha f’belt fit-tramuntana tal-kapitali.

Anki jekk il-laqgħa għadha ma saritx, il-kap tal-forzi armati Svediżi ddikjara li kien lest li jassisti fl-isforzi tal-pulizija. Mhuwiex ċar iżda kif u eżattament il-militar jista ‘jiġi involut. 

F’taħditiet preċedenti kien sar suġġeriment li s-suldati jistgħu jieħdu f’idejhom ċerti dmirijiet tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Min-naħa tagħhom xi kritiċi ddeskrivew il-miżuri proposti bħala superfiċjali u argumentaw li l-ewwel għandhom jiġu ndirizzati is-sintomi aktar milli l-kawżi ewlenin tal-vjolenza.

S’issa dan ix-xahar, 12-il persuna nqatlu fi vjolenza ‘gang’  l-ogħla numru minn Diċembru 2019.

Il-midja Żvediża qabblet iż-żieda riċenti ta’ vjolenza ma’ kunflitt li jinvolvi ‘gang’ magħruf bħala n-netwerk Foxtrot, li ġie maħkum minn ġlied intern u maqsum f’żewġ fazzjonijiet rivali.

Dan it-tip ta’ vjolenza l-Isvezja qatt ma rat bħalu qabel u li l-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa ma kien qed jesperjenza din it-tip ta’ sitwazzjoni.

Tfal u persuni innoċenti li jkunu fil-qrib qed jinqabdu dejjem aktar fil-vjolenza madwar il-pajjiż.

L-isplużjoni ta’ matul il-lejl f’Fulero, xi 80km fit-tramuntana ta’ Stokkolma, qatlet mara li kienet maħsuba li kienet ġar ta’ persuna b’konnessjonijiet mal-kriminalità organizzata.

Ftit sigħat qabel, raġel ta’ 20 sena nqatel fi sparatura f’Jordbro, eżatt fin-nofsinhar tal-kapitali Stokkolma, skont ix-xandar pubbliku SVT.

Separatament, żagħżugħ ta’ 18-il sena nqatel b’tiri għall-ħabta tas-7.00 ta’ filgħaxija ħin lokali qrib grawnd sportiv ta’ Stokkolma li kien mimli nies.

Is-sena li għaddiet, aktar minn 60 persuna mietu fi sparaturi fl-Isvezja – l-ogħla rekord – u din is-sena mistennija tkun l-istess jew agħar.

Rapport uffiċjali tal-gvern ippubblikat fl-2021 iddikjara li erba’ minn kull miljun abitant kienu qed imutu fi sparaturi kull sena fl-Isvezja, rata ogħla ferm mill-1.6 persuna għal kull miljun madwar l-Ewropa.

Il-pulizija rabtet il-vjolenza ma’ integrazzjoni fqira tal-immigranti, differenza li qed tikber bejn is-sinjuri u l-foqra u l-użu tad-droga.

Il-gvern ta’ minoranza taċ-ċentru-lemin li tela’ fil-poter is-sena l-oħra, bl-appoġġ tad-Demokratiċi tal-Isvezja li huma kontra l-immigrazzjoni, għad ma rnexxilux iwaqqaf il-vjolenza.

Fil-laqgħa li se ssir, il-Prim Ministru se jimbotta ‘l quddiem miżuri ta’ sorveljanza akbar, pieni aktar ħorox għall-ksur tal-liġijiet dwar l-armi, setgħat ta’ deportazzjoni aktar b’saħħithom u żoni ta’ waqfien u tfittxija.

Organizzaturi komunitarji iżda sostnew id-diżappunt qawwi tagżħhom għall-pjanijiet proposti u qalu li dawn ma jindirizzawx il-kwistjonijiet soċjali eżistenti.

Il-grupp Kollektiv Sorg, grupp marbut ma’ Amnesty International, appella għal aktar azzjoni dwar il-faqar tat-tfal u żieda fir-riżorsi għall-klabbs taż-żgħażagħ, is-servizzi komunitarji u ċ-ċentri sportivi.

Ekonomija

Sport