Friday, September 13, 2024

Vladimir Putin: “Is-sigurtà tar-Russja mhix negozjabbli”

Aqra wkoll

Il-President Russu Vla­dimir Putin insista li l-interessi Russi u s-sigurtà mhumiex negozjabbli. Putin qal dan wara rapporti li t-truppi Russi resqu eqreb lejn il-fruntiera mal-Ukrajna. Il-President Russu għamel indirizz lin-nazzjon permezz ta’ filmat fejn fih qal li r-Russja hija dejjem miftuħa “għal djalogu dirett u onest” filwaqt li tenna li għandu l-fiduċja sħiħa fil-militar tiegħu. Putin qal dan ftit tas-sigħat wara li l-President Amerikan Joe Biden wissa li “r-Russja bdiet l-invażjoni”.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi l-pajjiżi tal-Punent imponew numru ta’ sanzjonijiet fuq interessi Russi. Hekk kif il-parlament Russu awtorizza lil Putin biex jibgħat truppi f’żewġ partijiet tal-Ukrajna li huma kkontrollati minn separatisti li jappoġġjaw lir-Russja, Biden qal li, “aħna se nkunu qed naqtgħu l-iffinanzjar tal-gvern Russu li ġej mill-Punent.” L-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Kanada u l-Ġappun imponew sanzjonijiet fuq banek Russi u għadd ta’ uffiċjali importanti filwaqt li l-Ġermanja ffriżat proġett kbir ta’ pipeline tal-gass li kellha mar-Russja. Il-pajjiżi tal-Punent saħqu li iktar sanzjonijiet b’saħħithom se jidħlu fis-seħħ jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna. 

Is-sitwazzjoni f’din il-parti tal-Ewropa eskalat sewwa meta nhar it-Tnejn li għadda r-Russja rrikonoxxiet l-indipendenza tar-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk – territorju Ukren li jinsab ikkontrollat minn ribelli li jappoġġjaw lir-Russja. Din it-tħabbira ġabet fix-xejn ftehim ta’ paċi li kien maqbul mal-Ukrajna. 

Intant fl-aħħar sigħat il-militar Ukren qal li suldat tagħhom tilef ħajtu waqt li sitta oħra sofrew ġrieħi waqt ibbumbardjar minn artillerija li s-separatisti Russi sparaw ftit wara r-Russja rrikonoxxiet l-indipendenza tagħhom. 

Il-President Russu Vladi­mir Putin għandu skjerati iktar minn 150,000 suldat qrib il-fruntiera mal-Ukrajna. 

Ekonomija

Sport