MFPA telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-VMFA Hyundai Premier League meta ddominaw il-konfront dirett kontra Birkirkara St Helens hekk kif rebħu 12-4.
Kif jindika l-iskor it-tim mill-assoċjazzjoni Maltija tal-plejers kellhom kontroll assolut ta’ din il-partita bil-Karkariżi li minkejja li ppruvaw, sabuha ferm diffiċli kontra l-avversarji ferm motivati.
Alexander Ribic kien ta’ uġigħ ta’ ras għad-difiża ta’ St Helen’s tant li kien awtur ta’ sitt gowls. Stephen Wellman u Thomas Paris skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Jonathan Bondin u Luke Cauchi għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Birkirkara rrispondew b’gowls ta’ Robert Perkins li skorja doppjetta, Gilbert Scerri u Claudio Calleja.
Rabat Veterans komplew bil-mument pożittiv tagħhom wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 3-2 sabiex komplew javvanzaw fil-klassifika.
Franco Degabriele skorja doppjetta għar-Rabtin b’Fabio Cauchi jżid ieħor. Żurrieq baqgħu fil-logħba b’gowls ta’ Kevin Vella u Clarence John Conger Thompson.
KLASSIFIKA – VMFA Hyundai Premier League
MFPA 22, Żejtun Red Stars 20, Birkirkara St Helens 16, Gżira United 12, Rabat Veterans 11, Pieta’ Hotspurs 7, Luxol St Andrews 5 Żurrieq Wolves 4