Luxol St Andrew’s u MFPA għaddew għas-semifinali tal-VMFA Trophy meta rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom mill-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.
MFPA għelbu lil Rabat Veterans 10-6 f’logħba sabiħa milgħuba f’riħ qawwi u xita kontinwa.
Il-Malta Football Players Association stabilixxew vantaġġ inizjali ta’ 5-0 sa tmiem l-ewwel taqsima għalkemm fit-tieni taqsima, ir-Rabtin ħarġu ferm aggressivi u skorjaw erba’ gowls li reġgħu daħluhom fil-logħba.
Madankollu l-MFPA baqgħu kalmi u skorjaw gowls oħrajn li tawhom ir-rebħa finali.
Alexander Ribic kien awtur ta’ erba’ gowls filwaqt li Mark Barbara skorja tripletta. Doppjetta ta’ Thomas Paris u gowl ieħor ta’ Carlo Mamo għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Doppjetta ta’ Christian Muscat u gowl kull wieħed għal Darren Galea, Dylan Falzon, Timothy Zammit u Kevin Loughborough żammew lil Rabat Veterans fil-logħba għalkemm fl-aħħar mill-aħħar xorta waħda ġew eliminati.
Referee kien Reno Galea.
Luxol St Andrew’s għaddew għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni wara skor ta’ 3-2 kontra Pieta’ Hotspurs.
Kienet logħba li t-tim minn St Andrew’s amministraw tajjeb għalkemm Pieta’ dejjem kienu fil-logħba għal ħafna mill-waqtiet.
Michael Galea kien il-protagonist għal Luxol meta skorja hat-trick b’Roderick Farrugia u Lawrence Vella li naqqsu l-marġni tal-iskor għal Pieta’.
Referee kien Reno Galea.
Nhar it-Tnejn li ġej jintlagħbu s-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni fejn Żejtun Red Stars jilagħbu kontra Birkirkara St Helen’s filwaqt li MFPA jaffrontaw lil Luxol St Andrew’s.