Birkirkara rebħu l-ewwel edizzjoni tat-tornew tal-Milied organizzat minn Paola Volleyball Club. Dan it-tornew intlagħab bejn it-18 u 19 ta’ Diċembru 2022 fil-Padiljun tal-Isport f’Kordin. It-timijiet ta’ Paola, Birkirkara u Mġarr ħadu sehem f’dan it-tornew. Fl-ewwel logħba tat-tornew, Birkirkara lagħbu kontra Mġarr fejn Birkirkara ħarġu rebbieħa bi skor ta’ 3-0.
Fit-tieni logħba, Birkirkara kellhom konfront iebes kontra Paola. Birkirkara, li jilagħbu fis-Superleague, għelbu lil Paola, li jilagħbu fil-First Division League, bi skor ta’ 3-2. Fl-aħħar logħba tat-tornew, Paola rebħu kontra Mġarr f’logħba kombattuta bi skor ta’ 3-1.
Fl-aħħar tat-tornew, l-uffiċjali u l-plejers ta’ Birkirkara ġew preżentati bit-trofew mill-President ta’ Paola Volleyball Club, Dr Kenneth Vella, fil-preżenza tal-uffiċjali tal-klabb, Claire Falzon u Alexia Brincau. L-unur tal-aħjar plejer tat-tornew rebħitu Atira Jells tat-tim ta’ Paola.
Fi stqarrija, il-klabb ta’ Paola irringrazzja lil Marindex Trophies, Executive Security Services, Eclipse Technologies Limited u l-Malta Volleyball Association li bl-appoġġ tagħhom seta’ jittella’ dan it-tornew.