Ġewwa l-Ukrajna qiegħed jiġi mfakkar il-31 anniversarju minn meta dan il-pajjiż sar indipendenti. F’diskors emozzjonali li għamel f’dan il-jum, il-President Volodymyr Zelensky qal li l-Ukrajna “twieldet mill-ġdid” meta r-Russja invadiet u tenna li dan il-pajjiż qatt mhu se jċedi l-libertà tiegħu lir-Russja.
L-invażjoni Russja ġewwa l-Ukrajna issa daħlet fis-sitt xahar tagħha, u dwar dan Zelensky qal li l-Ukreni ma jqisux it-tmiem tal-gwerra meta jieqaf il-ġlied, iżda meta l-Ukrajna toħroġ rebbieħa. F’diskors lin-nazzjon Zelensky qal, “nazzjon ġdid tfaċċa fl-24 ta’ Frar fl-erbgħa ta’ filgħodu. Dan ma kienx imwieled, iżda mwieled mill-ġdid. Nazzjon li ma bekiex, ma għajjatx jew ħarab. Taqtgħux qalbkom u tinsew qatt.”
Zelenskiy, li llum għandu 44 sena, għamel dan id-diskors quddiem il-monument li jfakkar l-indipendenza Ukrena mill-Unjoni Sovjetika fl-1991. Huwa kien liebes ilbies tal-gwerra. Il-mexxej Ukren kien ċar li pajjiżu qatt mhu se jaċċetta li jkun hemm ftehim mar-Russja biex din tal-aħħar tieħu t-territorju li okkupat f’dawn l-aħħar sitt xhur. Huwa qal, “aħna mhux se npoġġu madwar il-mejda tan-negozjati bil-biża’, b’arma ppontata lejn rasna. Għalina l-iktar metall terribbli mhuwiex tal-missili, tal-ajruplani jew tat-tankijiet, iżda tal-manetti… l-ebda trunċieri, iżda l-mażżra.” Huwa żied jgħid, “xi jkun għalina tmiem il-gwerra? Konna jgħidu: paċi. Illum ngħidu: rebħa.”