Sunday, December 22, 2024

Zelensky jappella lill-UE biex tgħin lill-Ukrajna tibqa’ tiddefendi ruħha

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky indirizza għall-ewwel darba b’mod fiżiku lil Parlament Ewropew f’seduta apposta li saret fi Brussell.

F’Diċembru li għadda, Zelensky kien għamel messaġġ virtwali f’seduta tal-Parlament Ewropew, li matula l-poplu Ukren kien ingħata l-premju Sakharov, għal liberta’ tal-ħsieb.

Iż-żjara tal-President Ukren Zelensky fi Brussels hija meqjusa bħala waħda storika u li qed issir waqt li pajjiżu jinsab fi gwerra wara li ġie invadut mir-Russja.

F’indirizz tiegħu lil Parlament hu qal ir-Russja permezz tal-attakk tagħhom fuq il-pajjiż Ukren, qegħdin jippruvaw jeqirdu l-ħajja tal-poplu Ukren. Minkejja dan huwa sostna li t-tweġiba se tkun le mhux se jaqtgħu qalbhom u li se jibqgħu jiddefendu ruħhom anke permezz tal-forza Ewropea.

Irringrazzja lil dawk kollha li għenu liċ-ċittadini ordinarji, lil dawk kollha li kienu qed jipprotestu fil-pjazez ,lil dawk kollha li ma emmnux il-misinformazzjoni qarrieqa tar-Russja u lill-Parlament Ewropew għall-appoġġ li jagħti lill-Ukrajna.

Huwa rringrazzja wkoll lil pajjiżi kollha li pprovdew materjali li kienu essenzjali sabiex l-Ukrajna setgħet tkompli bil-ġlied tagħha. Dan filwaqt li ħeġġeġ biex isiru t-taħditiet meħtieġa bil-għan li l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Tenna jgħid li jekk l-Ukrajna tirbaħ, l-Unjoni Ewropea tkun rebbieħa wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar il-ħolma ta’ kull Ukren li qiegħed preżenti fl-Ukrajna bħalissa hi li jkun hemm paċi u sigurta’ fil-pajjiż.


Din is-seduta bdiet mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li rrimarkat li din l-okkażjoni tista’ titqies bħala waħda storika u li l-futur tal-Ukrajna huwa fl-Unjoni Ewropea.

Zelensky għandhu jiltaqa’ wkoll mal-mexxejja tas-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea, fejn għaliha se jattendi l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela. Il-laqgħa ma’ Zelensky se ssir waqt li l-mexxejja Ewropej qed jattendu summit speċjali, li matulu se jiġu diskussi l-aħħar żviluppi tal-gwerra tal-Ukranja mar-Russja.

Ekonomija

Sport