Friday, November 15, 2024

Volodymyr Zelensky: L-attakk fuq Kharkiv kien att kriminali

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky iddeskriva l-bumbardament Russu fuq il-belt ta’ Kharkiv bħala delitt tal-gwerra. Dan il-bumbardament ħalla għexieren ta’ persuni ċivili mejtin. Zelensky qal li hemm evidenza minn persuni li kienu fuq il-post waqt il-bumbardament li f’dan l-attakk iċ-ċittadini kienu qed jiġu attakkati b’mod intenzjonat. Kharkiv hija t-tieni l-ikbar belt ġewwa l-Ukrajna. 

Għadd ta’ gruppi li jitkellmu favur id-drittijiet umani wkoll qalu li waqt l-invazjoni Russa twettqu numru ta’ delitti kontra l-umanità. Fid-dawl ta’ dan, hemm possibbiltà kbira li l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) se jkun qiegħed iniedi investigazzjoni biex janalizza dawn l-allegazzjonijiet. Il-prosekutur ewlieni tal-ICC Karim Khan qal li hemm “bażi raġonevoli” li allegatament fl-Ukrajna twettqu delitti tal-gwerra jew kontra l-umanità.

Khan qal li l-investigazzjonijiet se jkunu qed jiffokaw fuq allegat atti kriminali li seħħew waqt il-ġlied, kif ukoll dwar atti li jmorru lura sal-2014 meta dakinhar ir-Russja kienet wettqet l-invażjoni fil-Crimea. Tajjeb li jingħad li l-prosekutur jeħtieġlu li jikseb l-approvazzjoni tal-imħallfin tal-ICC biex ikun jista’ jibda x-xogħol tiegħu. Għalhekk bħalissa huwa talab lit-tim tiegħu biex jibda jiġbor kull evidenza dwar abbużi li setgħu seħħew, fosthom anke attakki fuq nies ċivili. La r-Russja u lanqas l-Ukrajna mhuma membri tal-ICC, iżda din l-aħbar niżel tajjeb mal-amministrazzjoni Ukre­na. Amnesty International ukoll talbet li jkun hemm investigazzjoni dwar possibbiltà ta’ atti kriminali ġewwa Kharkiv. Min-naħa tagħhom ir-Russi qed jgħidu li huma qatt ma attakkaw żoni residenzjali.

Hekk kif issa għaddew numru ta’ ġranet minn meta bdiet l-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna, Moska qiegħda tattakka fuq diversi fronti iżda l-avvanzi tagħhom qegħdin ikunu bil-mod ħafna u dan minħabba r-reżistenza qalbiena li qed juru l-Ukreni. 

Ekonomija

Sport