Monday, December 23, 2024

Volodymyr Zelensky minn attur għal mexxej qalbieni

Aqra wkoll

Bla dubju wieħed mill-ik­tar po­litiċi li bħalissa qiegħed jissemma fil-midja internazzjonali huwa Volodymyr Zelensky, il-President tal-Ukrajna. Ze­lensky twieled fil-25 ta’ Jannar 1978 ġewwa Kryvyy Rih fl-Ukrajna – li dak iż-żmien kienet parti mill-Unjoni Sovjetika u huwa iben ġenituri Lhud.

Meta kkontesta għall-elezz­jonijiet presidenzjali tal-2019, Zelensky kien magħruf biss bħala attur u kummidjant. Dan kien persuna li ma kellu l-ebda esperjenza fil-politika. Fil-kampanja elet­torali tiegħu huwa tkellem ħafna kontra l-korruzzjoni ġewwa pajjiżu u l-appoġġ kbir li kellu, speċjalment online, wasslu biex kiseb rebħa kbira fuq l-avversarju tiegħu Petro Poroshenko.

Fil-kamapanja elettorali Zelensky kien wiegħed li taħt il-presidenza tiegħu l-Ukrajna “ma tkunx is-sieħeb korrott tal-Punent” u lanqas tkun “il-pupazz tar-Russja”. L-ikbar appoġġ lejh ġie min-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ukrajna fosthom anke mir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, reġjuni li dan l-aħħar Vladimir Putin rrikonoxxiehom bħala indi­pendenti. 

Sa tliet snin ilu, Zelensky kien għadu wiċċ ġdid fil-politika u bla esperjenza ta’ xejn, iżda f’dan l-aħħar jiem huwa qiegħed ikun politiku influwenti li jagħti kuraġġ u juri qlubija liema bħalha kontra l-invażuri Russi. Filwaqt li fuq naħa għandek lill-President Russu Vladimir Putin li qiegħed ikun eratiku u jakkuża lill-Ukrajna b’affarijiet infodati bħal ġenoċidju ġewwa Donetsk u Luhanks u li jrid iwettaq di-Nażifikazzjoni fil-Ukrajna, fuq in-naħa l-oħra hemm Zelensky li baqa’ artiklat u jżomm id-dinjità tiegħu u jkun ta’ ispirazzjoni għal ħafna.  

L-atteġġjament qalbieni li qiegħed juri Zelensky tista’ tgħid li kien ta’ sorpriża għal ħafna, hekk kif anke l-kritiċi tiegħu ma stennewx dan. Huwa rnexxielu jġib il-pajjiż kollu warah b’diskorsi b’saħħithom quddiem in-nazz­jon kollu u anke b’video selfies li qiegħed jagħmel ta’ kuljum fuq il-midja soċjali mill-qalba tal-gwerra.

Wieħed jista’ jgħid li l-mument li ddefinixxa lil Zelensky kien proprju nhar il-Ħamis li għadda sewwasew ftit qabel ma bdiet l-invażjoni Russa. Dakinhar huwa indirizza lin-nazzjon fejn f’ċertu waqtiet tkellem anke bir-Russu u qal li huwa pprova jagħmel kuntatt ma’ Vladimir Putin biex tiġi evitata gwerra, iżda r-risposta kienet silenzju assolut. Dakinhar, bilwieqfa quddiem mappa tal-Ukrajna, Zelensky kien qal li ż-żewġ pajjiżi m’għandhomx bżonn “gwerra bierda, gwerra taħraq jew gwerra ibrida”, iżda saħaq li jekk l-Ukreni se jiġu taħt attakk huma se jiddefendu lilhom infushom. F’indirizz dirett lir-Russja hu għamilha ċara li “meta tinvadu intom se taraw wiċċna – mhux daharna, imma wiċċna.” 

Kif kien mistenni ftit sigħat wara dan id-diskors, ir-Russja bdiet l-assalt militari tagħha. Fl-ewwel filmat tiegħu wara li bdiet il-gwerra, Zelensky kien liebes ilbies militari u wissa lill-Punent li jekk ma jsir xejn din il-gwerra tista’ “tħabbat fuq il-bieb tagħkom ukoll”.  

L-ispirazzjoni li Zelensky qiegħed inissel fil-poplu tiegħu jidher li qiegħda tiġi nnotata anke ġewwa r-Russja tant li servizzi sigrieti tal-Punent għandhom informazzjoni li l-isem ta’ Zelensky qiegħed fuq nett fil-lista tal-militar Russu ta’ persuni li jeħtieġ li jiġu eliminati. 

Minkejja din it-theddida fuqu u fuq familtu Zelensky għadu ġewwa Kiev. F’video selfie li huwa tella’ ftit tal-jiem ilu fuq il-midja soċjali huwa qal li, “jiena għadni hawn. Aħna mhux se nċedu l-armi. Aħna se niddefendu lil pajjiżna għaliex l-arma tagħna hija l-verità u l-verità hija li din hi artna, dan hu pajjiżna u dawn huma wliedna, aħna se niddefendu dan kollu. Dak li għandi xi ngħidilkom, glorja għall-Ukrajna.” Il-President Ukren għamel din l-istqarrija b’saħħitha fl-istess jiem li ħarġet l-aħbar li l-Istati Uniti offriet li huwa jiġi evakwat mill-kapitali Kiev. Dakinhar ir-risposta ta’ Zelensky kienet “jien qiegħed hawn biex niġġieled; jien munizzjon irrid u mhux evakwazzjoni.”

Fid-dawl ta’ dan kollu kien hemm numru ta’ analisti li qasmu l-opinjoni tagħhom. Kien hemm min qal li ovvjament Zelensky huwa attur ta’ ħila, u mhux ċerti jekk dan hux il-karattru proprja tiegħu jew le, iżda dak li qiegħed jagħmel qed jaħdem, u d-diskorsi tiegħu qegħdin iħallu impatt. Ovvjament huwa altru li tikteb diskors għal xi sensiela televiżiva u altu tikteb diskors fi żmien ta’ gwerra.

Ekonomija

Sport