Thursday, March 19, 2026

Vot b’saħħtu fil-Parlament Ewropew favur ir-rapport ta’ Daniel Attard

Aqra wkoll

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fil-Parlament Ewropew adotta r-rapport tal-Ewroparlamentari Daniel Attard, b’appoġġ wiesa’ minn madwar l-ispettru politiku, f’dak li hu pass importanti lejn l-ewwel strateġija Ewropea għat-turiżmu sostenibbli. Dan l-appoġġ jirrifletti l-ħidma ambizzjuża u progressiva bbażata fuq miżuri konkreti u mhux prinċipji astratti.

“Dan mhux rapport ta’ dikjarazzjonijiet ġeneriċi. Dan isejjaħ għal firxa ta’ azzjonijiet konkreti biex it-turiżmu jaħdem aħjar għall-ekonomiji, għall-ħaddiema u fuq kollox għall-komunitajiet tagħna.”

Attard enfasizza l-konnettività bħala pilastru ewlieni tar-rapport, u saħaq li aċċess ġust u affordabbli huwa kruċjali biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ fit-turiżmu madwar l-Ewropa.

“Illum għandna realtà ċara: filwaqt li hemm destinazzjonijiet mgħobbija żżejjed, hemm oħrajn li għadhom lura. Konnettività aqwa hija ċ-ċavetta biex inqassmu l-ġid tat-turiżmu b’mod aktar ġust, inkluż lejn pajjiżi u reġjuni li sal-lum mhumiex igawdu l-benefiċċji li joffri t-turiżmu.”

Huwa enfasizza wkoll li l-kultura hija l-qalba tal-prodott turistiku Ewropew.

“Turiżmu ta’ kwalità huwa mibni fuq l-identità, il-wirt u l-awtentiċità tagħna. Dan ir-rapport isaħħaħ l-appoġġ lejn dawk li jħarsu dan il-wirt, inkluż il-voluntiera u l-komunitajiet lokali.”

Fuq l-aspett ambjentali, ir-rapport jinkludi miżuri konkreti biex jitnaqqas l-impatt tas-settur, fosthom azzjoni kontra l-plastik u fondi Ewropej għal trasport iktar nadif.

“Is-sostenibbiltà trid tkun prattika u ġusta. Mhux piż addizzjonali, iżda opportunità biex insaħħu s-settur”, sostna l-Ewroparlamentari Laburista. 

Ir-rapport jagħti wkoll prijorità lill-ħaddiema, b’enfasi fuq aktar investiment fil-ħiliet, kundizzjonijiet tax-xogħol u mobilità.

F’dan il-kuntest Daniel Attard saħaq li ma nistgħux nibnu turiżmu kompetittiv mingħajr investiment fil-ħaddiema tagħna.

Ir-rapport ta’ Attard jindirizza wkoll il-ħtieġa ta’ kompetizzjoni ġusta fis-settur tal-akkomodazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ dawk magħrufa bħala Short Term Rentals. 

“Il-kirjiet għal żmien qasir illum huma parti mill-prodott turistiku u joffru l-benefiċċji tagħhom. Iżda rridu naċċertaw li dawn jimxu ma’ regoli ċari li jipproteġu lill-komunitajiet kif ukoll is-suq tal-akkommodazzjoni, b’mod speċjali dik residenzjali. It-turiżmu għandu jaqdi u jservi l-interessi tal-komunitajiet tagħna, u mhux jisfruttahom.”

Attard temm jgħid li dan il-vot huwa frott xhur ta’ ħidma fuq livell Ewropew u xhieda ta’ bidla lejn mudell turistiku Ewropew iktar bilanċjat u sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport