Il-Parlament tal-Ġermanja, il-Bundestag, ivvota dwar jekk il-pajjiż għandux ineħħi r-restrizzjonijiet fuq l-infiq għad-difiża. Dan il-vot jista’ jwitti t-triq għal żieda massiva fl-investiment militari hekk kif ir-Russja qed tagħmel kisbiet fl-Ukrajna fl-istess waqt li l-Amerka qed tindika li l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiddependi fuq il-protezzjoni tal-Istati Uniti.
Għalhekk, dan il-vot parlamentari se jkollu impatt fuq il-futur kollu tad-difiża tal-Ewropa u l-appoġġ kontinwu Ewropew għall-Ukrajna.
Wara l-Konferenza tas-Sigurtà ta Munich, u l-battibekki konfrontazzjonali bejn Trump u Zelensky, servew ta’ tbeżbiża għall-Ewropa fejn għall-ewwel darba l-Ewropej jistgħu ma jibqgħux aktar jiddependu fuq Washington.
Il-prospetti għall-infiq tad-difiża Ewropea jiddependu fuq l-iżviluppi fil-Ġermanja, bħala d-detentur tal-akbar baġit tad-difiża tar-reġjun. L-infiq tad-difiża fil-Ġermanja żdied bi 23.2% is-sena li għaddiet, u għen biex iwassal għal żieda rekord ta’ 11.7% fl-ispiża tad-difiża Ewropea.
Il-parlament il-ġdid tal-Ġermanja se jiltaqa’ fil-25 ta’ Marzu u mhux il-partiti kollha huma favur li dawn il-flejjes kollha jintefqu, speċjalment fid-difiża. Kemm il-partit tal-lemin estrem AfD kif ukoll Die Linke tax-xellug estrem wegħdu li se jopponu.
Il-vot jeħtieġ żewġ terzi favur biex jgħaddi, u għalhekk il-Kanċillier il-ġdid Friedrich Merz jaqbillu iktar li dan iseħħ taħt il-parlament eżistenti. Imbagħad ikun jeħtieġ li jiġi approvat mill-kamra superjuri tal-Ġermanja.
Fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich tax-xahar li għadda bosta mid-delegati qagħdu bilqiegħda sorpriżi jisimgħu l-attakk qawwi tal-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance fuq il-politiki tal-Ewropa dwar il-migrazzjoni u l-espressjoni ħielsa.
Dan segwa diskors jiem qabel mis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, Pete Hegseth, li qal lill-membri tan-NATO li l-umbrella difensiva tal-Amerika għal 80 sena għall-Ewropa m’għandhiex tibqa’ titqies bħala fatt.
Strateġisti tad-difiża fl-Ewropa diġà qed jippjanaw għal dak li jista’ jseħħ, jiġifieri, Russja semi-rebbieħa tagħmel kisbiet fl-Ukrajna, imbagħad tibni mill-ġdid l-armata tagħha u thedded lill-membri tal-Lvant tan-NATO, bħall-istati Baltiċi, fi żmien tliet snin jew inqas.
Dan, fi żmien meta l-impenn tal-Istati Uniti għad-difiża tal-Ewropa qed jidher estremament dgħajjef. Il-President Trump qed jiġi mħeġġeġ minn xi wħud fiċ-ċirku tiegħu biex joħroġ it-truppi Amerikani mill-Ewropa u anke biex jirtira għal kollox min-NATO.
Qed jingħad ukoll diskors dwar li Franza testendi d-deterrent nukleari nazzjonali tagħha biex tkopri nazzjonijiet Ewropej oħra. Sadanittant, il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet Ewropej jinsabu taħt pressjoni biex iżidu l-infiq tad-difiża.
L-Armata Ingliża issa naqset għall-iżgħar daqs mill-Gwerer Napoleoniċi, aktar minn 200 sena ilu, u l-esperti jbassru li l-Armata tispiċċa mingħajr munizzjon fi żmien ġimgħatejn minn meta tibda tiġġieled gwerra konvenzjonali fuq skala sħiħa.
Il-Ġermanja ilha kawta dwar l-infiq tad-difiża, mhux biss għal raġunijiet storiċi li jmorru lura għall-1945, iżda wkoll minħabba l-kriżi tad-dejn globali tal-2009.
Il-vot fil-Bundestag huwa kruċjali mhux biss dwar id-difiża. Parti waħda hija dwar il-ħelsien ta’ €500bn għall-infrastruttura Ġermaniża – l-irranġar ta’ affarijiet bħal pontijiet u toroq, iżda wkoll biex tħallas għall-miżuri tat-tibdil fil-klima, xi ħaġa li nsista fuqha l-Partit tal-Ħodor.
Il-parti l-oħra hija dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fil-kostituzzjoni fuq is-self li jistgħu, fit-teorija, jilliberaw biljuni ta’ ewro għall-infiq tad-difiża, kemm għall-forzi armati tal-Ġermanja kif ukoll għal fond tad-difiża pan-Ewropew.