Thursday, December 26, 2024

“Vot kontra ifisser vot kontra l-Kummissjoni Venezja”

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Ministru  għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis fir-rigward tal-voti tal-Oppożizzjoni

Minn VICTOR VELLA

Is-saltna tad-dritt issa ilha żmien fuq l-aġenda. Fl-aħħar jiem kien hemm żvolta meta intlaħaq ftehim mal-Kummissjoni Venezja u immedjatament tressqu abbozz ta’ liġi fil-Parlament. B’sorpriża l-Oppożizzjoni Nazzjonalista,  ivvutat kontra erba’ abbozzi. L-Oppożizzjoni qed tgħid li se tibqa’ tivvota kontra.  Tlabna l-kumment tal-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis dwar ir-riperkussjonijiet tal-aġir tal-Oppożizzjoni. Hu ddikjara li “r-riperkussjonijiet dwar il-pakkett ta’ riformi li jissarfu f’10 abbozzi ta’ liġi huwa li l-Gvern ikun jista’ jimplimenta biss dawk ir-riformi li jistgħu jgħaddu mill-Kamra tad-Deputati mhux bir-regola taż-żewġ terzi tal-Membri kollha tal-Kamra. Jien qed nagħmilha ċara li il-pakkett ta’ riformi huwa dak li bażikament riedet il-Kummisjoni Venezja. Għalhekk, fejn l-Oppożizzjoni ser tivvota kontra, ser tkun qed tivvota kontra l-istess Kummissjoni Venezja”, sostna l-Ministru Edward Zammit Lewis.

Ninsabu informati li madanakollu, il-Ministru fil-jiem li ġejjin ser jibqa’ jipprova iġib kunsens mal-Oppożizzjoni fuq l-imsemmi pakkett ta’ riformi. 

Ir-raġunijiet li ġabet l-Oppożizzjoni għaliex ivvutat kontra l-erba’ abbozzi li ġew diskussi fil-Kamra huma; li mhux qed taqbel li jkun hemm il-mekkaniżmu propost f’każ li ma jkunx hemm ftehim bir-regola taż-żewġ terzi għall-żewġ voti konsekuttiv. Raġuni oħra hi li l-Avukat Ġenerali jinħatar ukoll bir-regola taż-żewġ terzi.

Imbagħad hemm raġuni oħra li hi dik li l-liġi li qed tipproponi tibdil għall-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, dejjem skont l-Oppożizzjoni, huwa nofsu sajran. 

Il-Ministru Zammit Lewis qalilna li nnota li fejn hemm bżonn li liġi tgħaddi b’żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, dik ir-riforma partikolari ma tkunx tista’ tgħaddi. Dan japplika speċjalment fir-rigward tar-riforma dwar il-ġudikatura. M’hemmx dubju li min żmien għal żmien, il-Ministru ser ikun qed jinforma kemm lill-Kummissjoni Venezja, u kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-andament tal-proċess parlamentari. Dan huwa ukoll konformi ma’ dak li qalet il-President tal-Kummissjoni Ursula Von der Leyen f’ittra li hija bagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela”, qalilna l-Ministru Zammit Lewis.

Liġi li l-gvern qed jgħaddi b’konvinżjoni

Dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, il-Ministru Edward Zammit Lewis  qal li “din hija waħda minn sensiela ta’ liġijiet, li dan il-Gvern, b’konvinzjoni, qed jgħaddi biex isaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Din l-amministrazzjoni li nibtet f’Jannar li għadda wegħdet riformi kbar fejn tidħol is-saltna tad-dritt. Wasal iż-żmien li nissetjaw standards politiċi ogħla u bla preċedent. Nemmen li dak li qegħdin nagħmlu b’dawn ir-riformi”. Saħaq li “l-Gvern irid li din il-Kummissjoni taħdem aħjar. L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex jiġu riveduti l-metodu tal-ħatra taċ-Chairman u tal-membri tal- Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u jipprovdi mekkaniżmu ta’ anti-deadlock għall-ħatra taċ-Chairman.”

Il-Ministru Zammit Lewis jgħid ukoll li “l-Abbozz itejjeb il-poteri tal-Kummissjoni billi jwessgħa d-definizzjoni ta’ prattiki korrotti u jaħseb ukoll għall-poter addizzjonali fejn il- Kummissjoni ssib riżultanzi ta’ prattiċi korrotti jew li tista’ tkun, għandha tirrapporta direttament lill-Avukat Ġenerali.”

Irid jingħad li Din il-Kummissjoni daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru tal-1988, meta għaddiet il-liġi dwar l-istess Kummissjoni. Dakinhar kien ġie determinat, dejjem biex ikunu ssettjati standards għoljin ta’ governanza, li ħadd ma jista’ jżomm kariga bħala Membru tal-Kummissjoni jekk ikun, jew kien Membru tal-Kamra tad-Deputati, Ministru jew Segretarju Parlamentari, jew uffiċjal pubbliku.

Dwar il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li “ċ-Chairman tal-Kummissjoni li jinħatar biż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, imbagħad bl-‘anti deadlock mechanism’ jekk ma jintlaħaqx qbil. Fiha hemm ukoll żewġ membri, wieħed maħtur mill-Gvern, u l-ieħor mill-Oppożizzjoni. Tneħħiet għal kollox il-figura tal-Prim Ministru, b’kollox jiġi issa għand il-Kabinett tal-Ministri.”

Hu spjega li issa qed titwessa d-definizzjoni ta’ prattiċi korrotti. Qabel kienu meqjusin bħala prattiċi korrotti jekk Membru Parlamentari jitlob, jirċievi, jew jaċċetta xi flus, rigal, jew wegħda, mogħti bil-għan li jinfluenza l-imġieba tiegħu bħala Membru tal-Kamra. Dan jista’ jeħel, jekk jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sena sa’ tmien snin. Ma’ dawn kien hemm ukoll li persuna tikkorrompi uffiċjal jew impjegat pubbliku jew membru tal-Kamra tad-Deputati

Il-Ministru Zammit Lewis qal li “issa permezz ta’ din il-liġi se jkunu qed jiżdiedu bħala prattiċi korrotti abbuż tal-Awtorità Pubblika, fuq uffiċjali jew impjegati pubbliċi li jesiġu flus jew ħwejjeġ oħra kontra l-liġi, fuq l-estorsjoni. Apparti dan hemm ukoll li kull min iwiegħed, jagħti jew joffri, kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett, xi vantaġġ mhux xieraq lil persuna oħra li tikkonferma li kapaċi tagħmel influwenza mhux xieraq kif tiddeċiedi xi persuna bħal Membru Parlamentari jew uffiċjal pubbliku. Dan jista’ jeħel piena minn tliet sa sitt snin. Prattika korrotta qed titqies ukoll dik li kull min, bil-ħsieb li jagħmel, jaħbi, jew juri ħaġa b’oħra dwar xi reat, joħloq jew juża xi dokument jew rekord ta’ kontabilità ieħor li jkun fih informazzjoni falza jew mhux kompleta jew kommetti b’mod mhux leġittimu milli jirreġistra xi ħlas. Dan jeħel meta jinstab ħati il-piena ta’ priġunerija minn tliet xhur sa’ tmintax-il xahar”.

Ekonomija

Sport