Fil-jiem li għaddew, il-Parlament approva riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern li l-għan tagħha kien li jsiru emendi fil-kuntratt tal-bini tal-General Workers’ Union li se jippermettu lill-GWU tuża aħjar parti mill-Workers’ Memorial Building (WMB) biex issostni l-operat tagħha. X’fissret din ir-riżoluzzjoni għall-GWU? Żgur li fissret li l-WMB se jibqa’ ċ-ċentru ewlieni tal-ħidma trejdunjonistika tal-GWU. Dan kontra r-rieda tal-Partit Nazzjonalista li kien ressaq kawża fil-Qorti biex il-unjin tiġi żgumbrata minn din il-binja.
Dan ma kienx l-ewwel każ li l-PN ried jaqla’ lill-GWU mill-binja tagħha tant li għadna niftakru sew fi żminijiet imgħoddija meta esponenti ewlenin fil-PN kienu saħansitra riedu jħottu l-WMB biex skont huma minflok jinbnew blokki ta’ appartamenti.
Minkejja dawn it-tentattivi kollha kontriha, il-GWU mhux biss baqgħet għaddejja bil-ħidma kontinwa tagħha imma wkoll issaħħet u kibret biex baqgħet sa mit-twelid tagħha l-akbar għaqda tal-ħaddiema f’pajjiżna. Għalhekk il-vot ta’ nhar it-Tnejn li għadda, kien rebħa storika għal din l-unjin imma wkoll kien ta’ serħan il-moħħ li fil-ġejjieni mhux se jerġa’ jkun hemm attentati simili biex jimminaw kemm il-ħidma u anke l-istatus tagħha.
Din ir-rebħa ma ġietx fuq platt tal-fidda imma għaliha l-GWU se tħallas kważi €2 miljuni lill-Istat biex tinħeles minn parti minn din il-kundizzjoni. Iċ-ċifra li se titħallas saret minn valutazzjoni ta’ perit indipendenti fuq il-valur tal-proprjetà mmobbli u l-krijiet tal-passat.
Permezz ta’ sullokazzjoni tal-partijiet tal-WMB mhux utilizzati, lil entitajiet kummerċjali, l-Istat qed jippermetti lill-unjin tissalvagwardja l-operat tagħha biex iżżomm il-missjoni storika tagħha li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u dawk tal-membri tagħha.
Ir-riżoluzzjoni mgħoddija fil-Parlament tat prova li l-Gvern Laburista mhux se jippermetti lill-Partit Nazzjonalista u l-fazzjoni estremista li ħakmitu, tgħaddi romblu minn fuqu u teqred trejdunjin li tħares l-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dan l-iżvilupp jawgura tajjeb għax minnu nnifsu jissalvagwardja l-ħidma trejdunjonistika li tkompli tkun ta’ tarka għall-ħaddiema, huma fejn huma u huma min huma, l-aktar fi żminijiet fejn is-suq tax-xogħol qed jinbidel b’mod drastiku, fejn anke t-teknoloġija qed tavvanza b’mod mgħaġġel li jekk ma nkunux ippreparati għaliha bil-quddiem, ma nkunux nistgħu nlaħħqu mal-isfidi tal-ġejjieni.