Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, li għadha kif ġiet inkluża bħala waħda mill-MPEs l-aktar influwenti ta’ taħt l-40 sena mill-EU Matrix, irċeviet turija oħra ta’ fiduċja fix-xogħol tagħha fil-plenarja ta’ din il-ġimgħa. Fil-kummenti tagħha relatati mal-vot qawwi ta’ fiduċja favur ir-Regolament dwar il-Kirjiet għal Żmien Qasir (magħrufa bħala ‘Short Term Rentals’), iddikjarat li hija partikolarment kburija li mbuttat għal regolamenti aktar inklussivi fil-qasam tat-turiżmu, li jiżguraw li ħadd ma jaqa’ lura.
Bħala n-negozjatriċi tal-pożizzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, Dr Cutajar laqgħet b’mod partikolari l-fatt li din il-liġi se tinkludi prinċipji ta’ aċċessibbiltà u ta’ inklussività li hija insistiet għalihom f’xogħolha: proċess ta’ reġistrazzjoni simplifikat, bi spiża minima jew saħansitra mingħajr ħlas, għal dawk li jiddeċiedu li jikru l-propjeta’ tagħhom, li jista’ jsir ukoll b’mod fiżiku. Din il-konsiderazzjoni hija partikolarment ta’ benefiċċju għall-individwi li ma jafux jużaw it-teknoloġija, inkluż anzjani li jiddeċiedu li jikru l-proprjetà tagħhom biex ikollhom dħul addizzjonali apparti l-pensjoni.
Il-prinċipju t’inklussività hu wieħed li Cutajar ppromwoviet b’mod konsistenti f’diversi liġijiet li nnegozjat fl-ambitu diġitali, inkluż fl-Att Ewropew dwar l-Interoperabbilta’ li se jiggarantixxi servizzi pubbliċi aktar effettivi. “Filwaqt li l-UE għandha l-għan li s-servizzi pubbliċi tagħha jkunu kollha online sal-2030, huwa daqstant ieħor essenzjali li ma ninsewx iċ-ċittadini tagħna li għad għandhom nuqqas ta’ ħiliet diġitali, li rridu nibqgħu niggarantixxulhom aċċess għas-servizzi essenzjali” saħqet il-MPE Cutajar.
F’kummenti konklussivi dwar il-vot dwar il-Kirjiet għal Żmien Qasir, Dr Josianne Cutajar iddikjarat li dan l-Att se jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet lokali biex jadottaw politika u infurzar aktar effettivi f’dan il-qasam. “L-informazzjoni li se tkun ipprovduta mill-pjattaformi diġitali u dawk li jikru l-propjeta’ tagħhom f’dan is-suq, hi għodda importanti biex infasslu ekosistema tat-turiżmu aktar ibbilanċjata u sostenibbli, li tħares lejn il-kwalita’ tal-prodott turistiku, tirrispetta l-ambjent u l-kommunitajiet lokali, filwaqt li tħalli lok għal għażliet ta’ ‘housing’ u akkommodazzjoni aċċessibbli u affordabbli, speċjalment f’żoni turistiċi,” temmet tgħid Cutajar.